L-Amministrazzjoni tal-Isptar iddeċidiet li tista’ tipposponi xi wħud mill-operazzjonijiet elettivi u mhux urġenti li kienu skedati għal għada u għall-jiem ta’ wara.
Dan intqal fi stqarrija li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ħareġ fl-aħħar ħinijiet fejn sostna li din il-miżura qed tiddaħħal biex tkun żgurata kura tal-ogħla livell lill-pazjenti kollha,
L-Istqarrija tkompli tgħid li l-Isptar Mater Dei qiegħed jesperjenza influss ta’ persuni li qed jirrikorru għas-servizzi tal-Emerġenza ferm ogħla min-normal, b’riżultat tal-mewġa ta’ sħana li esperjenzaw il-gżejjer Maltin f’dawn l-aħħar jiem.
Il-pazjenti affetwati b’dan il-posponiment se jingħataw appuntamenti ġodda.
L-Awtoritajiet tas-Saħħa jerġgħu itennu l-appell tagħhom lill-pubbliku biex jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex jipproteġu lilhom infushom mill-effetti tas-sħana u jitkelmu mat-tabib jekk jesperjenzaw sinjali u sintomi ta’ eżawriment tas-sħana. Huwa wkoll rakkomandat li jinżamm kuntatt regolari mal-anzjani u dawk l-aktar f’riskju speċjalment jekk jgħixu waħedhom.
Is-sħana tista’ taffettwa lil kulħadd, iżda ċerti nies huma f’riskju akbar ta’ ħsara serja. Dawn jinkludu:
• anzjani, speċjalment dawk li għandhom aktar minn 75 sena
- trabi u tfal żgħar
- nies b’kundizzjoni kronika tas-saħħa bħal kundizzjonijiet respiratorji jew tal-qalb
- persuni bi problemi ta’ saħħa mentali
- nies li għandhom id-deni minħabba infezzjoni
- nies li jabbużaw mill-alkoħol jew jużaw drogi illegali
- persuni bi problemi ta’ mobbiltà
- nies li huma fiżikament attivi bħal ħaddiema manwali jew sportivi
L-Awtoritajiet għas-Saħħa jerġgħu jfakkru li sabiex jiġu evitati l-effetti tas-sħana eċċessiva huwa importanti li wieħed:
- Jevita kull espożizzjoni bla bżonn għax-xemx waqt perjodi sħan tal-ġurnata bejn il-11.00am sal-4.00pm;
- Iżomm frisk billi joqgħod fl-aktar partijiet friski tad-dar u tax-xogħol;
- Jixrob l-ilma regolarment biex ipatti għat-telf bl-għaraq u jittiekel u ikel kiesaħ;
- Jevita likwidi deidratanti bħall-alkoħol, il-kafè, it-te u soft drinks bil-kaffeina;
- Jilbes ħwejjeġ ħfief;
- Jevita sforz fiżiku fl-iktar ħinijiet sħan tal-ġurnata;
- Jimxi fid-dell, japplika protezzjoni għax-xemx u jintlibes kappell;
- Ifittex parir mediku jekk għandek xi tħassib.