Il-futur tal-attakkant internazzjonal Arġentin, Lionel Messi, ma’ Paris St-Germain huwa wieħed inċert u wisq probabbli mhux se jġedded il-kuntratt tiegħu fi tmiem l-istaġun.
Jidher li huwa se jiddeċiedi wara t-tieni leg tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League wara li fl-ewwel leg il-Pariġini sfaw megħluba f’darhom minn Bayern Munich bl-iskor ta’ 1-0.
Sa ftit ġimgħat, kien hemm ottimiżmu kbir fil-kamp tal-Pariġini hekk kif wara li rebaħ it-Tazza tad-Dinja huwa ta indikazzjoni li se jibqa’ jilgħab magħhom sa Ġunju 2024. Fl-istess waqt, huwa rrifjuta offerti ta’ bosta miljuni ta’ liri mill-MLS u l-Arabja Sawdija.
Madankollu, dak il-ftehim għadu ma ntlaħaqx. Aktar u aktar fil-laqgħa wara t-telfa kontra Bayern, bejn missier il-player u d-diriġenza Pariġina.
Rapporti fil-media Franċiża qed isostnu li Messi jinsab viċin li jmur jilgħab fl-Istati Uniti ma’ Inter Miami.
Huwa jista’ jerga’ jingħaqad mal-eks kollega fit-team ta’ Barcelona, Sergio Busquets, hekk kif bħalissa hemm taħdidiet biex il-midfielder Spanjol jingħaqad magħhom.
Jidher li jekk Paris St-Germain jiġu eliminati f’dan l-istadju tal-UEFA Champions League, Messi jagħti l-addio lill-Pariġini.