Friday, September 13, 2024

Possibbiltá li Hibernians jkabbru l-vantaġġ fil-quċċata

Aqra wkoll

Bejn illum u għada tintlagħab it-13-il ġurnata tal-Kampjonat Premier fejn l-aktar partita mistennija, dik bejn Ham­run Spartans u Birkirkara, ġie posposta minħabba każijiet tal-Co­vid-19. 

Dan ifisser li Hibernians jistgħu jkomplu jkabbru l-vantaġġ f’ras il-klassifika meta jiltaqħu kontra Gudja United.

Partita oħra interessanti hija dik bejn ir-rivali antiki Floriana u Sliema Wanderers peró llum tilfet għal kollox mill-interess tagħha. 

Gzira U. v Sta Lucia – Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li fl-aħħar ħarġa tagħ­hom sfaw megħluba bl-iskor identiku ta’ 3-1 – Gzira Uni­ted kontra Hibernians u Sta Lucia kontra Floriana.

Il-Gżirjani dehru li forsi kienu se jiksbu rebħa kontra l-Pawlisti meta fetħu l-iskor minn Maxuell Maia.Iżda bi tliet goals fit-tieni taqsima, Hibernians dawru r-riżultat favur tagħhom. 

Min-naħa l-oħra, Sta Lucia kellhom ibaxxu rashom quddiem Floriana b’dawn tal-aħħar ikunu dominanti għal kollox għajr f’xi waq­tiet li fihom l-Luċjani rnex­xielhom inaqqsu l-marġni.

Huma jridu jgħaddu mingħajr is-sospiż Alan da Silva Souza filwaqt li Gzira għandhom lil Steve Borg nieqes meta għadu qed jirkupra minn injury. 

Mosta v Sirens – Din hija logħba bejn żewġ ġirien li qed jissieltu kontra r-relegazzjoni, minkejja li Sirens jinsabu ħames punti fuq iż-żona l-ħamra.

Fl-aħħar ħarġa tagħhom temmew fi draw ta’ bla goals kontra Gudja United waqt li rebħu partita waħda mill-aħħar ħames ħarġiet.

Huma batew biex jo­ħolqu ċ-ċansijiet u qatt ma approfittaw mis-superjorità numerika meta Gudja niżlu għal disa’ players wara t-tkeċċija ta’ Farid Zuniga fit-53 minuta … wara li ż-żewġ timijiet kellhom player imkeċċi kull wieħed fit-18-il minuta.

Min-naħa tagħhom Mosta jimmiraw li jirreġistraw l-ewwel rebħa f’ħames ħar­ġiet … wara li kisbu biss żewġ punti minn massimu ta’ 12 … hekk kif jinsabu fuq iż-żona tar-relegazzjoni. 

Rebħa ttellagħhom punt taħt Sirens u jitbegħdu xi ftit miż-żona tar-relegaz­zjoni.

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet spiċċaw 1-1. Filwaqt li Mosta m’għandhomx problemi ta’ players neqsin, Sirens se jkunu mingħajr is-sospiżi, Brandan Fernando u Carlo Zammit Lonardelli.

Gudja U. v Hibernians – Hibernians jaffrontaw lil Gudja United u fuq il-karta jibdew favoriti biex jiksbu d-double wara li fl-ewwel round ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.

Hibs irritornaw għar-­rebħ wara li ġew miżmuma fi draw ta’ mingħajr goals minn Floriana iżda fi tmiem il-ġimgħa li għadda kabbru l-vantaġġ tagħhom fil-quċċata b’rebħa ta’ 3-1 fuq Gzira United.

B’wirja mpressjonanti dawru telfa f’rebħa li kienet orkestrata minn Jake Grech li rnexxielu wkoll iniżżel ismu fuq il-lista ta’ l-iskorers wara li Jurgen Degab­riele skorja doppjetta.

Gudja United jinsabu fil-periklu tar-relegazzjoni u jimmiraw li joħolqu xi sorpriża. Iżda huma se jkollhom liż-żewġ players, Tensior Gusman u Farid Zuniga, sospiżi wara li tkeċċew kontra Sirens.

Floriana v Sliema W. – Floriana jiltaqgħu kontra Sliema Wanderers liema partita hija meqjus diffiċli għall-Blues.

Dan huwa perjodu nkwe­tanti għall-Wanderers meta jinsabu fl-aħħar pożizzjoni u għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa.

Iżda flimkien ma’ Balzan huma jridu jirkupraw partita meta dik ta’ bejniet­hom ta’ tmiem il-ġimgħa li għadda ġiet posposta min­ħabba każijiet tal-Covid-19.

Floriana jimmiraw li jieħ­du t-tliet punti biex jibqgħu fit-taqtiegħa għal post mal-ewwel erbgħa.

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet spiċċaw fi draw ta’ mingħajr goals minkejja li l-Greens iddominaw il-partita iżda sabu lill-goalkeper, Timothy Aquilina, f’burdata mill-aqwa meta salva dak kollu mitfugħ lejh u ċaħħad lil Floriana minn rebħa me­ritata.  

Floriana se jkunu mingħajr Christian Rutjens u Jose Arias għax sospiżi filwaqt li Oualid El Hasni jista’ jirritorna minn injury.

Min-naħa l-oħra, Julius Bliek se jkun l-uniku player sospiż għall-Wanderers.

Balzan v Valletta – Bal­zan jaffrontaw lil Valletta f’logħba li faċilment tista’ tmur kull naħa.

Bħalissa Balzan jinsabu fis-sitt post b’logħba inqas fejn jimmiraw għal rebħa biex jitilgħu aktar posti­jiet ‘il fuq fil-klassifika wara li fl-aħħar partita ġew miżmuma fi draw ta’ 3-3 minn Sta Lucia … fejn il-vantaġġ tagħhom ġie annullat darbtejn mill-Brażiljani Francisco Farias u Alan da Silva Souza.

Anke Valletta jridu jirritornaw għar-rebħ wara t-telfa kontra Hamrun Spartans li waslet minn auto-goal sfortunat ta’ Haris Dilaver.

Il-moral tal-Beltin bħalissa huwa kemmxejn baxx meta kisbu biss erba’ punti minn tliet ħarġiet u għaldaqstant ma jistgħux jitilfu l-kuntatt minn mal-leaders Hibernians.

Iż-żewġ timijiet għandhom il-players kollha disponibbli.

Ekonomija

Sport