Friday, November 8, 2024

Possibbiltá li Kylian Mbappe jingħaqad ma’ Real Madrid għal €250 miljun?

Aqra wkoll

Skond rapporti fil-media Franċiża, l-attakkant internazzjonali Franċiż, Kylian Mbappe, se jingħaqad ma’ Real Madrid minkejja li  huwa stqarr li fl-istaġun li ġej se jibqa’ ma’ Paris St-Germain. 

Min-naħa tagħhom, il-Madrileni qed jippreparaw offerta biex jiffirmaw lil dan il-player ta’ 24 wara li s-sena l-oħra hu­wa ddeċieda li jibqa’ jilgħab fil-kapitali Franċiża meta kollox deher li seta’ jmur jilgħab fil-Bernabeu. 

Peró minn dakinhar l-affarijiet inbidlu bejn il-player u d-diriġenza Pariġina hekk kif huwa ma jridx iġedded il-kuntratt meta dak eżistenti jintemm f’Ġunju 2024. 

Għaldaqstant, il-club irid ibiegħu akkost ta’ kollox minħabba li fi tmiem l-istaġun li ġej huma jsir aġent ħieles u huma jibqgħu b’xejn wara li kienu ħallsu €120 miljun biex iffirmawh mingħand Monaco, f’Lulju 2018. Barra minn huwa għandu salarju ta’ €72 miljun fis-sena. 

Il-Pariġini offrewlu kuntratt ieħor attraenti iżda għal xi raġuni jew oħra huwa baqa’ jinsisti li ma jiffirmahx.   

Barra minn hekk huwa ċaħad b’mod kate­goriku li talab biex jingħaqad mal-club Spanjol. Huwa qal:

“Dan huwa kollu gideb. Diġá għedt li fl-istaġun li ġej se nkompli nilgħab ma’ Paris SG fejn ninsab kuntent ħafna.”

Il-media Franċiża qed tirribatti dak kollu li qed jgħid Mbappe nnifsu u tistaqsi kif il-player ma jridx iġedded il-kuntratt meta, skond hu, jinsab kuntent. Din hija kontradittorja kbira. 

Min-naħa tagħhom, il-Pariġini jinsabu lesti li  jiftħu kawża legali lill-player jekk ma jaċċettax li jitlaq mill-club ladarba ma jridx jestendi l-kuntratt tiegħu. 

Peró, rapporti oħra qed isostnu li PSG u Real Madrid diġá fetħu negozjati biex Mbappe jmur jilgħab fil-kapitali Spanjola. 

L-istess rapporti qed isostnu wkoll li l-Madrileni jinsabu lesti li jħallsu €250 miljun. Din hija ċifra stratosferika u hemm dubju kbir kemm dawn ir-rapporti huma veritiera.

Madankollu, hekk kif is-suq tat-trasferimenti qed “jiġġennen” kollox huwa possibbli. 

Rapporti oħra qed isostnu li wasal iż-żmien biex il-FIFA tintervjeni fuq dawn is-somom kbar minħabba li s-suq madwar id-dinja sar mingħajr kontroll u l-federaz­zjoni mondjali qed tintalab biex tindirizza din il-problema billi timponi l-capping, jiġifieri, tillimita dan l-infieq sfrenat. 

Sport