Teżisti possibbiltá kbira li Manchester United jiġu mblukkati mill-UEFA Champions League jekk il-club jinxtara minn investituri mill-Qatar.
Rapporti sostnew li grupp ta’ individwi privati b’ġid kbir ibbażati fl-istat tal-Lvant Nofsani jinsabu interessati biex jakkwistaw il-club minn Old Trafford.
Jidher li n-negozjati għal dan ix-xiri jinsab fi stadju avvanzat fejn is-somma involuta hija dik ta’ £6 biljuni.
Dan wassal għal ċelebrazzjonijiet minn sezzjonijiet kbar tal-bażi tal-partitarji tal-United li jridu lis-sidien attwali, il-familja Glazer, ma jibqgħux fit-tmexxija.
Iżda dan il-ferħ jista’ jkun bla temma ladarba jsiru jafu li jistgħu jiġu esklużi miċ-Champions League.
Minbarra r-Red Devils, Paris St-Germain jistgħu wkoll jiffaċċjaw futur ikkumplikat jekk l-investituri tal-Qatar jixtru lil United.
Jekk ir-Red Devils jinxtraw minn Qatar Sports Investments (QSI), il-United ma jkunux jistgħu jikkompetu fiċ-Champions League. Dan minħabba deċiżjoni tal-UEFA introdotta fl-1990
Ir-regoli tal-UEFA jistipulaw li żewġ clubs fil-kompetizzjoni ma jistgħux ikunu proprjetà tal-istess nies. Il-QSI xtraw lil PSG fis-sajf tal-2011 u minn dakinhar ilhom jiffinanzjaw bil-kbir lill-Pariġini.
Madankollu, jekk l-ambizzjonijiet tagħhom li jixtru lil United huma serji daqskemm jgħidu li huma, il-Qataris jista’ jkollhom jagħżlu bejn PSG u r-Red Devils.
Ir-regola “Integrità tal-kompetizzjonijiet tal-clubs tal-UEFA: Indipendenza tal-clubs” tipprojbixxi li żewġ clubs fl-istess kompetizzjoni m’għandhomx ikunu direttament, jew indirettament, proprjetà tal-istess grupp ta’ sjieda.
Red Bull Leipzig u Red Bull Salzburg sabu lilhom infushom l-istess sitwazzjoni f’bosta okkażjonijiet. Fl-2017, iż-żewġ clubs assiguraw lilhom infushom post fiċ-Champions League.
Madankollu, iż-żewġ naħat eventwalment tħallew jikkompetu fil-kompetizzjoni fl-istess ħin, wara li l-UEFA eżaminat bir-reqqa liż-żewġ clubs u kkonkludiet li kienu “indipendenti b’mod xieraq” mill-korporazzjoni Red Bull.