Sunday, October 27, 2024

Possibbiltà ta’ iktar sanzjonijiet fuq ir-Russja fid-dawl tal-allegat massakru ta’ Bucha

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat il-Ġermanja qalet li l-Punent se jkun qiegħed jaqbel dwar iktar sanzjonijiet li se jiġu imposti fuq ir-Russja u dan hekk kif l-Ukrajna akkużat lir-Russja b’delitti tal-gwerra. Dawn is-sanzjonijiet se jkomplu jżidu iktar pressjoni ekonomika fuq ir-Russja minħabba l-invażjoni ġewwa l-Ukrajna.

Is-sanzjonijiet il-ġodda se jiġu imposti fid-dawl tal-allegat massakru ta’ nies ċivili li s-suldati Russi wettqu fil-belt Ukrena ta’ Bucha. Min-naħa tagħha r-Russja ċaħdet li l-forzi tagħha kienu responsabbli għall-qtil ta’ nies ċivili, u qalu li din kienet xi ħaġa orkestrata mill-Ukrajna għal għajn il-midja tal-Punent. 

 Matul l-aħħar sigħat kompliet tikber it-talba għal azzjoni fil-konfront ta’ dak li allegatament seħħ ġewwa Bucha. F’din il-belt, li tinsab ftit ’il barra minn Kiev, allegatament instabu nies ċivili mejta u nqtal li dawn kellhom idejhom marbuta u ġew maqtula b’tir t’arma tan-nar minn distanza qasira. Il-katavri ta’ dawn il-persuni nstabu f’qabar tal-massa f’żona li l-armata Ukrena reġgħet ħadet minn idejn it-truppi Russi. Taras Shapravskyi, li huwa d-deputat sindku ta’ Bucha qal li b’kollox kien hemm madwar 300 katavru f’dan il-qabar.

Hekk id-diskussjoni­jiet ta’ paċi bejn ir-Russja u l-Ukrajna komplew permezz ta’ video link, għadd ta’ esperti qalu li dan l-aħħar avveniment mistenni li jkun ta’ dell fuq dawn id-diskussjonijiet. Meta l-President Ukren Volodymyr Zelenskiy kien mistoqsi dwar jekk il-President Russu Vladimir Putin għandux jinżamm kontabbli għall-qtil ta’ nies ċivili, huwa qal apparti Putin hemm ukoll numru ta’ persuni oħrajn responsabbli. Meta kien tkellem ma’ CBS huwa qal li, “jien naħseb li l-kmandanti militari, u kull min ta l-istuzzjonijiet u l-ordnijiet għandu jiġi kkastigat.”

Sport