Sunday, December 22, 2024

Possibbiltà ta’ sanzjonijiet diretti fuq Putin jekk ir-Russja tinvadi lill-Ukrajna

Aqra wkoll

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden qal li qiegħed jikkunsidra sanzjonijiet diretti u personali fuq il-President Russu Vladimir Putin jekk ir-Russja tiddeċiedi li tinvadi lill-Ukrajna. Biden qal li jekk ir-Russja tinvadi lill-Ukrajna dan se jkollu “konsegwenzi enormi” fuq id-dinja. Biden qal dan fi sfond ta’ twissijiet ġejjin minn pajjiżi tal-Punent fejn dawn qalu li r-Russja se tkun qiegħda tħallas prezz kbir ħafna jekk tiddeċiedi li tinvadi. 

Min-naħa tagħha, ir-Russja qiegħda takkuża lill-Istati Uniti u pajjiżi oħrajn tal-Punent li dawn qegħdin “jeskalaw it-tensjoni” dwar l-Ukrajna u tenniet li hija m’għandha l-ebda intenzjoni li tinvadi lil dan il-pajjiż. Minkejja dan, ir-Russja għandha skjerati xejn inqas minn 100,000 suldat qrib il-fruntiera mal-Ukrajna. Ir-Russja qiegħda tisħaq li hija tqis lill-alleanza militari tan-NATO bħala theddida għas-sigurtà tagħha u għalhekk qiegħda tfittex garanziji legali biex din l-alleanza ma tilqax iktar fi ħdanha pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa, fosthom l-Ukrajna. Min-naħa l-oħra, l-Istati Uniti qiegħda tqis dan bħala aggressjoni Russa u mhux espansjoni tan-NATO. Minħabba t-tensjoni li qiegħda dejjem tikber, għadd ta’ pajjiżi tal-Punent sejħu lura numru ta’ ħaddiema mill-ambaxxati tagħhom ġewwa Kiev. Matul il-jum tal-bieraħ ukoll, diplomatiċi Russi, Ukreni, Ġermaniżi u Franżi bdew jiltaqgħu f’Pariġi biex jiddiskutu dak li għaddej f’din il-parti tal-Ewropa. 

Meta Biden kien mistoqsi dwar jekk hemmx il-ħsieb li f’każ ta’ invażjoni jkunx hemm sanzjonijiet personali fuq Putin innifsu, Biden wieġeb fl-affermattiv. Huwa qal li invażjoni bħal din ikollha “konsegwenzi enormi għad-dinja kollha” u qal li jekk isseħħ tkun “l-ikbar invażjoni mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn.” Kien hemm drabi fil-passat fejn l-Istat Uniti imponiet sanzjonijiet diretti fuq mexxejja ta’ pajjiżi. Fost dawn kien hemm il-President Sirjan Bashar al-Assad, dak tal-Veneżwela Nicolás Maduro u l-eks mexxej Libjan Muammmar Gaddafi.

Ekonomija

Sport