Sunday, November 24, 2024

“Possibbli minn Għawdex 30 persuna biss setgħu jmorru għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ?”

Lelio Spiteri

Aqra wkoll

Lelio Spiteri, il-Kap tal-Iskola Primarja magħrufa bħala “Happy School”, fl-aħħar sigħat staqsa permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali kif minn Għawdex kollu 30 persuna biss marru għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li sar fil-kapitali Portugiża.

Sostna li dan hu numru żgħir wisq ta’ attendenza minn Għawdex, filwaqt li minn Malta kien hemm madwar 500 persuna. Hu jgħid li l-awtoritajiet konċernati għandhom jagħtu kas u jibdew jaħdmu biex darb’oħra jkun hemm attendenza ferm akbar.

Fil-messaġġ tiegħu Lelio Spiteri jgħid li: “Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ ġie u mar. Kienet esperjenza tremenda għall-baħar ta’ żgħażagħ li attendew. Minn Malta attendew fuq 500, minn Għawdex madwar 30. Possibbli mill-gżira tagħna ta’ Għawdex daqshekk biss setgħu, jew xtaqu, imorru? Saret promozzjoni biżżejjed għal dan l-avveniment?”

“Ħeġġiġna kemm flaħna biex iż-żgħażagħ tagħna jduqu din l-esperjenza singulari? Nemmen li stajna għamilna ħafna aktar. Huwa ferm importanti li l-ġenerazzjoni żagħżugħa dduq esperjenzi bħal dawn, esperjenza ta’ knisja ħajja, enerġetika, dinamika, li għandha futur,” sostna Lelio.

Huwa temm il-messaġġ tiegħu b’dan l-appell: “Ejja naħdmu biex għal Ruma u aktar tard għall-Korea ta’ Isfel, ikollna numru ħafna ikbar ta’ żgħażagħ Għawdxin li jingħaqdu flimkien għal dawn l-avvenimenti tant sbieħ u li żgur iħallu impatt fuq ħajjet il-persuna”.

Sport