Tim ta’ xjentisti waslu biex għall-ewwel darba identifikaw metodu kif jeqirdu ċertu sustanzi magħrufa bħala PFAS li kienu maħsuba li se jibqgħu jintużaw għal dejjem f’diversi prodotti. F’ċerti livelli tagħhom dawn is-sustanzi huma ta’ riskju serju għas-saħħa, inklużi l-kanċer u difetti fit-twelid. Il-PFAS jintużaw f’mijiet ta’ oġġetti ta’ kuljum minn twaġen sa make-up.
Ir-reżistenza ta’ dawn il-kimiċi għall-ilma, iż-żejt u t-tbajja’ tagħmel l-użu tagħhom utli ħafna, iżda dawn il-proprjetajiet jagħmluha diffiċli ħafna biex jinqerdu l-PFAS.
PFAS tfisser sustanzi poly u perfluoroalkyl u hemm madwar 4,500 minn dawn il-kimiċi li l-bażi tagħhom hija il-fluworin u jinsabu fi kważi kull parti tad-dinja fi prodotti inklużi l-ippakkjar tal-ikel, oġġetti tal-kċina li ma jwaħħalx bħal twaġen ‘non-stick’, tagħmir tax-xita, kolla, karta u żebgħa.
L-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Istati Uniti identifikat aktar minn 12,000 tip ta’ dawn is-sustanzi valenużi filwaqt li r-riċerka f’dan ir-rigward għadha għaddejja biex jiġi determinat kif il-livelli differenti ta’ espożizzjoni jistgħu jwasslu għal diversi effetti fuq is-saħħa tal-bniedem.
Skont il-Professur tal-kimika ambjentali fl-Università ta’ Harvard, Elsie Sunderland, hemm rabta bejn li wieħed ikun espost għal dawn il-kimiċi u l-ħsara li ssir f’kull organu maġġuri fil-ġisem tal-bniedem.
Il-metodi eżistenti biex jinqerdu l-PFAS, fosthom l-inċinerazzjoni, s’issa ma tantx kellhom suċċess billi biex jinqerdu jeħtieġu temperaturi estremament għoljin li jiswew ħafna flus.
Madankollu, riċerka ġdida oħra minn xjenzati fl-Università ta’ Northwestern, l-Istati Uniti ssostni li PFAS jistgħu jiġu meqruda bl-użu ta’ temperatura baxxa u rħas. Dan il-metodu jista’ jkun utli ħafna biex jgħin lill-komunitajiet li jbatu minn kontaminazzjoni ta’ livell għoli.
Ir-raġuni li l-PFAS storikament kienu tant diffiċli biex jinqerdu hija minħabba li fihom ħafna komponenti tal-karbonju u tal-fluworin, sustanzi li huma bżonjużi biex ikissru u jħollu likwidi magħrufa bħala omniphobic, li jagħmluhom utli ħafna għall-industriji farmaċewtiċi u tal-ikel. It-tim ta’ riċerka identifika mekkaniżmu ġdid kif jiġi meqrud il-PFAS permezz ta’ kimika komuni msejħa idrossidu tas-sodju li tintuża fi prodotti tad-dar bħas-sapun jew analġeżiċi li jtaffu l-uġigħ. It-tim ta’ xjentisti qed jittama li aktar riċerka twassal biex jiġi magħruf kif il-PFAS jista’ jiġi ffiltrat mill-ilma tax-xorb kif ukoll bħala metodu ġdid applikat biex jeqred l-kontaminanti. Dan il-metodu ġdid ġie applikat għall-10 tipi l-aktar prominenti ta’ PFAS.
Skont l-istes riċerkaturi, it-trattament ta’ konċentrazzjonijiet għoljin ta’ PFAS huwa biss parti waħda mis-soluzzjoni. Billi l-PFAS għadu jintuża fil-produzzjoni l-biża’ hi li jkompli jikkontamina anke f’livelli baxxi l-ħut u annimali selvaġġi oħra peress li ma jistax jitkisser b’mod naturali faċilment. Għalhekk ix-xjenzat Dr Alexander-White isostni li r-regolaturi u l-manifatturi jridu jieqfu jużaw il-PFAS.