Sunday, December 22, 2024

Possibilità li t-turisti jibdew jiġu ttestjati qabel jivvjaġġaw lejn pajjiżna

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru beda biex jindirizza l-konferenza tal-aħbarijiet b’aġġornament b’rabta mal-qbil bejn il-gvern u l-Assoċjazzjoni Medika Maltija billi appella biex ikompli d-djalogu biex jinżamm bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija.

Abela kkonferma li n-numri tal-każi żidiedu, iżda dawk ma żdiditx ir-rata ta’ każi serji. Qal li din ir-rata baqgħet konsistentament baxxa. Abela enfasizza li minkejja li huwa fatt li kien hemm żieda fil-każi, iżda daqstant huwa fattwali li dawk infettati mhu qed juru l-ebda sintomi jew mill-anqas.

Abela qal li stajna ħallejna l-Ajruport jew il-Port magħluq, iżda kien hemm bilanċ bejn il-protezzjoni tas-saħħa tan-nies u l-ekonomija. Ħabbar li sa grazzi għad-deċiżjonijiet li ttieħdu reġa’ beda jonqos l-għadd ta’ nies fil-qgħad. Abela tkellem dwar l-importanza tal-ilbies tal-maskra, iż-żamma tad-distanza soċjali u miżuri oħra ta’ mitigazzjoni biex jitnaqqas ir-riskju tat-tixrid tal-virus.

F’messaġġ tiegħu bħala Prim Ministru, Abela qal li m’hemmx lok għal allarm u anke minħabba esperjenza ta’ numru ta’ xhur milqutin minn din il-pandemija. Abela appella għal prudenza u kawtela. Huwa qal li l-attitudni ta’ xejn mhu xejn irridu nwarrbuha, iżda ma nistgħux immorru fl-estremitajiet l-oħra. Qal li jekk wieħed jibqa’ jħares il-prekawzjonijiet se nkomplu ngħixu ħajja normali bl-aġġornamenti meħtieġa biex tkun tista’ tiġi ppriżervata l-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Rigward il-protezzjoni ta’ persuni vulnerabbli, Fearne qal li l-viżitaturi f’residenzi tal-anzjani se jkunu jistgħu jsiru minn wara l-perspex. Se jkun qed isir ittestjar fuq il-carers sabiex jitnaqqas ir-riskju tat-trasmissjoni tal-virus.

Tkellem dwar l-importanza tar-responsabbilità li kulħadd jaqdi dmirijietu u li b’hekk iżomm mal-istruzzjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa. Qal li l-aġenziji tal-infurzar se jkunu qed jaċċertaw li r-regoli qed jiġu osservati minn kulħadd u b’hekk fost affarijiet oħra se jkunu qed jingħataw multi ta’ €50 lil dawk li jonqsu milli jilbsu l-maskra jew visor fil-postijiet indikat mill-istess awtoritajiet.

Min-naħa tiegħu d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa tkellem dwar l-importanza tad-distanza soċjali. Qal li l-virus jiġi trasmess minn qtar ta’ bżieq li ma jwasslux aktar minn żewġ metri u dan jikkonferma l-importanza taż-żamma tad-distanza. Tkellem dwar l-iżolament ta’ dawk li jirriżultaw pożittivi u la darba dawn jinstabu, isir il-contact tracing biex il-virus ma jilħaqx ikompli jinfirex. Ma’ dawn importanti li nipproteġu lill-persuni vulnerabbli għax dan il-mikrobu jħalli l-iżjed konsegwenzi serji fuq dawk b’mard kronaku. Huwa rrefera għal dawn it-tliet miżuri bħala l-aktar tliet binarji li mexxewna ‘l quddiem f’din il-ġlieda tagħna kontra l-virus.

Abela qal li m’hemmx kuntrast bejn il-Gvern u s-suvratendenza tas-Saħħa. Qal li xhieda ta’ dan huma d-diskussjonijiet tal-bieraħ. Huwa qal li qatt mhu se jaħrab mir-responsabbilità. Qal li l-importanti huwa li l-pajjiż jimxi ’l quddiem.

Abela qal li jekk wieħed irid jinnota l-fatti, filwaqt li l-gvern kien qed jiddiskuti mal-MCESD, l-Oppożizzjoni kienet qiegħda torganizza contest biex taħtar kap ġdid.

Rigward amnestija, Abela qal li dan il-gvern qatt ma ta amnestija. Abela għamilha ċara li l-multi li ġew imwaħħlin qabel l-ewwel ta’ Lulju ġew imħallsin u li l-gvern ma ta l-ebda amnestija. Abela spjega li l-multi ma baqgħux jingħataw minn meta twaqqaf l-avviż legali u li l-gvern qatt ma ħafer multi lil dawk li ġew imħarrkin qabel dawk id-deċiżjonijiet.

Għall-mistoqsija tal-ġurnalist tal-Union Print Gaetano Micallef rigward il-pożizzjoni tal-gvern rigward it-turisti, Fearne qal li sa issa ma kienx hemm tibdil u sa issa qed jiġu l-limitati l-persuni li jistgħu jiġu pajjiżna minn numru ta’ pajjiżi meqjusin bħala “pajjiżi sikuri”. Żied jgħid li sa issa l-ebda pajjiż għadu ma għamel dawn it-testijiet obbligatorji qabel l-ivjaġġar. Qal li pajjiżi bħal Ġermanja qed jaħsbu dwarha. Spjega li dawn il-miżuri qed ikunu diskussi b’mod internazzjonali, u għad trid tittieħed deċiżjoni jekk hux loġistikalment possibbli li dawn isiru. Fearne spjega li jekk dawn ikunu rakkomandati minn awtoritajiet bħal Għaqda Dinija tas-Saħħa, l-awtoritajiet ma jsibu l-ebda problema li jsiru hawn Malta wkoll.

https://www.facebook.com/MaltaGov/videos/685254675403174/

Ekonomija

Sport