Tuesday, July 8, 2025

Poster Doppju inkluż fil-ħarġa tas-Sajf tal-gazzetta ‘IL-FURJANA”

Aqra wkoll

Kienet ippubblikata ħarġa oħra tal-gazzetta Furjaniża ‘IL-FURJANA’. Minħabba li din hi l-unika ħarġa li tkun ippubblikata matul l-istaġun sajfi, l-ħarġa ta’ Lulju hi meqjusa bħala ‘l-ħarġa tas-sajf’ ta’ din il-gazzetta.

L-attrazzjoni ewlenija ta’ din il-ħarġa, li bħas-soltu fiha 16-il faċċata kollha bil-kulur, hu poster doppju li kull wieħed minnhom hu mifrux fuq żewġ faċċati.

Fuq naħa waħda l-poster juri ritratt ġenerali tal-pittura l-ġdida tas-saqaf tal-Kappellun tal-Kurċifiss li hemm fil-Knisja Arċipretali u Parrokkjali ta’ San Publju fil-Furjana. Fuq in-naħa l-oħra tal-poster, hemm ritratt ieħor kbir li hu storiku mhux biss għax ittieħed f’okkażjoni storika.

Minkejja li issa għaddew il-ġimgħat u x-xhur mill-festa tal-qaddis patrun tal-Furjana San Publju, li kienet iċċelebrata nhar il-Ħadd 4 ta’ Mejju li għadda, f’din l-ewwel ħarġa ta’ wara l-festa parrokkjali Furjaniża ngħatat ħarsa lejn x’kienu l-highlights tal-istess festa.

Il-poster doppju li d-Direzzjoni tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ qed tirregala lill-abbonati u lill-qarrejja in ġenerali, hu marbut intrinsikament mal-festa ta’ San Publju ta’ din is-sena. Sena speċjali għax fiha qed jitfakkar għeluq l-1,900 sena mill-martirju tal-Ewwel Isqof u Ko-Patrun ta’ Malta.

Il-glorja tal-martirju ta’ dan il-qaddis Malti hi riflessa fil-pittura tal-artista Għawdxi John Grima, li ħames snin ilu kien diġà pitter is-saqaf tal-Kappellun tar-Rużarju li jinsab fuq in-naħa l-oħra tal-Knisja Parrokkjali Furjaniża.

Il-pittura l-ġdida kienet inawgurata mill-Arċisqof Charles J. Scicluna nhar l-Erbgħa 30 ta’ April li kien l-ewwel jum tat-Tridu tal-festa f’ġieħ San Publju.

Din il-ħarġa ta’ ‘IL-FURJANA’ tinkludi wkoll riproduzzjoni ta’ apprezzament bl-Ingliż tal-pittura l-ġdida miktub mill-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello.

Oriġinarjament dan l-apprezzament kien ippubblikat nhar il-festa ta’ San Publju fuq il-gazzetta ‘The Sunday Times of Malta’. Kitba li kienet akkumpanjata minn numru ta’ ritratti ta’ dettalji tal-pittura, meħuda mill-fotografu magħruf Għawdxi, Daniel Cilia.

Fuq in-naħa ta’ wara ta’ dan il-poster hemm ritratt storiku li ttieħed lejlet il-festa ta’ San Publju ta’ Mejju li għadda. Fir-ritratt li ttieħed fil-Knisja Parrokkjali Furjaniża, jidhru l-biċċa l-kbira tal-volontieri li jaħdmu s-sena kollha għall-festa parrokkjali tal-Furjana u l-parroċċa b’mod ġenerali.

Dan il-grupp numeruż kien jinkludi fost l-oħrajn membri taż-żewġ fergħat tal-armar (ta’ ġewwa u ta’ barra), is-Soċjetà Filarmonika Vilhena, l-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta, l-Għaqda l-ġdida tan-Nar u l-Kultura li għall-ewwel darba kienet involuta fil-festa tal-Qaddis Patrun tal-Furjana.

Id-Direzzjoni tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ hi konvinta li dan il-poster se jkiun apprezzat mill-Furjaniżi kollha għax juri tim ta’ volontieri magħqud u għalhekk rebbieħ dejjem.

Il-ħarġa sajfija tal-gazzetta Furjaniża tinkludi wkoll l-Paġna tal-Kunsill Lokali Floriana (b’tagħrif dwar attivitajiet li organizza l-Kunsill fi żmien il-festa ta’ San Publju); tislima b’numru ta’ ritratti tal-Papa Franġisku u l-magħruf eks plejer ta’ Floriana FC, Willie Vassallo li mietu fix-xhur li għaddew; tagħrif dwar Furjaniżi li għamlu ġieħ f’oqsma differenti  inklużi dawk sportivi; artiklu minn membru tal-istaff tal-Ambaxxata Irlandiża f’Malta dwar il-festa ta’ San Patrizju 2025 fil-Furjana; u memorji Furjaniżi tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona u Monsinjur Victor Grech.

Din il-ħarġa ttellgħet bħas-soltu mid-Direttur Artistiku tal-gazzetta Furjaniża Joseph A. Cachia li wkoll responsabbli għat-tqassim tal-materjal.

Min jixtieq jakkwista kopja tal-ħarġa ta’ Lulju tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ jista’ jċempel fuq in-numri 79339649 jew 99821494,  jew jikteb fuq l-indirizzi elettroniċi [email protected] jew [email protected]. L-indirizz postali hu ‘IL-FURJANA’, 44 Triq il-Kapuċċini l-Furjana FRN 1033.

L-istess dettalji jistgħu jintużaw ukoll minn min jixtieq jabbona fil-gazzetta għal ħames ewro biss fis-sena, inkella jixtieq jakkwista xi kopja ta’ xi ħarġiet imgħoddija tal-gazzetta.

Bl-istess mod wieħed ukoll jista’ jakkwista kopja tal-ktieb dwar il-Furjana, bit-titlu ‘Floriana & il-Furjaniżi – A Tri-Centenary Commemoration’ li l-gazzetta ppubblikat is-sena li għaddiet fl-okkażjoni tat-300 sena mit-twaqqif tal-belt tal-Furjana.

Ild-Direzzjoni tal-gazzetta tixtieq ukoll tinforma li għad fadlilha wkoll għall-bejgħ numru żgħir ta’ kopji tal-kotba li ppubblikat fis-snin li għaddew dwar il-Knisja ta’ San Publju u dwar l-Ark Trijonfali ta’ San Publju. Min jixtieq jakkwista kopja jista’ jagħmel kuntatt bil-mod imsemmi hawn fuq.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport