Friday, November 15, 2024

Potenzjal katastrofiku tal-Uragan Milton fi Florida

Aqra wkoll

Wara ħerba li kkawża f’diversi stati Amerikani l-Uragan Helene li anki qatel 225 persuna ftit aktar minn għaxart ijiem ilu, issa l-istat ta’ Florida ġiet imwissija dwar it-theddida għall-ħajja mill-Uragan Milton li sar maltempata tal-kategorija ħamsa. Milton qed jitqawwa b’riħ feroċi sa 155mph hekk kif mistenni jgħaddi mit-tarf tat-tramuntana tal-peniżola Yucatan tal-Messiku. 

Bassara miċ-Ċntru Nazzjonali ta l-Uragani (NHC) qalu li ż-żidiet tal-maltemp “potenzjalment katastrofiċi” huma possibbli tul iż-żoni kostali.

Il-maltempata li qed titqies bħala mostru, mistennija tolqot il-belt b’popolazzjoni kbira ta’ Tampa Bay b’qawwa kbira llum l-Erbgħa, inqas minn ġimgħatejn wara li l-istat ta’ Florida intlaqtet mill-Uragan Helene.

Ir-residenti ġew imħeġġa biex jippreparaw għall-akbar evakwazzjoni tal-istat fi snin. Fil-fatt, il-Gvernatur tal-istat, Ron DeSantis wissa li l-ħin għan-nies biex jevakwaw qed jispiċċa malajr.

It-twissijiet dwar l-Uragan Milton ġew 10 ijiem biss wara li l-Uragan Helene,  l-aktar maltempata qattiela fuq il-kontinent mill-2005 ‘il hawn, laqat ix-Xlokk tal-Istati Uniti, u qatel mill-inqas 225 persuna. Mijiet oħra ta’ nies għadhom ma nsatbux.

Mill-inqas 14 minn dawk l-imwiet kienu fi Florida, fejn 51 minn 67 lokalita issa jinsabu taħt twissijiet ta ’emerġenza hekk kif Milton qed joqrob lejn dawn l-inħawi.

Skont uffiċjali tas-Servizz Nazzjonali tat-Temp (NWS),  l-uragan Milton tela’ għal kategorija ħamsa b’veloċità rekord tar-riħ jintensifika 148km fis-siegħa fuq 24 siegħa.

Fl-Istati Uniti, l-uragani klassifikati separatament f’ħames kategoriji bbażati fuq il-veloċità u l-forza tar-riħ tagħhom. Dawk li jilħqu l-kategorija tlieta u ogħla huma meqjusa bħala uragani kbar minħabba l-potenzjal tagħhom għal telf sinifikanti ta ħajja u ħsara li jikkawżaw.

L-Uragan Milton mistenni jiddgħajjef hekk kif idur għal fuq il-Golf tal-Messiku, u jinżel għal maltempata ta’ kategorija tlieta sa meta jasal fuq l-art f’Tampa Bay ta’ Florida.  Madankollu, iċ-Ċntru Nazzjonali ta l-Uragani wissa li tista’ tkun mistennija xita torrenzjali u għargħar f’partijiet ta’ Florida. 

It-totalita tax-xita tista tilħaq għoli ta’ 38cm u ż-żoni kostali jistgħu jaraw żidiet ta’ maltemp u mewġ għoli ta’ 10-15 il-pied. Partijiet mill-Kontea ta’ Pinellas, fejn mill-inqas tużżana nies inqatlu minn l-uragan Helene, tpoġġew taħt ordnijiet ta’ evakwazzjoni nhar it-Tnejn li għadda.

Ekonomija

Sport