Friday, December 19, 2025

‘Povra tifla’…..minn għassa għal oħra … manipulata u użata mill-ġenituri f’pika tal-biża’

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għexet tfulitha minn għassa għal oħra. Għajat. Piki tal-biża’. Ġlied. Tfulija mimlija ansjetà. Tant spiċċat titgerfex din it-tifla li tgħid lil ommha stess li ma tafx lil min għandha tafda. Lill-psikoterapista, it-tifla tgħidilha li ma tafx min mill-ġenituri qed jgħid il-verità. Il-kwistjonijiet u l-piki beja il-ġenituri kienu dwar l-aċċess.

Il-Qorti tgħid li hi konvinta “li t-tifla kienet qed tassoċja l-ħin li tiltaqa’ ma’ missierha ma’ ħin konfuż, ħin fejn il-ġenituri tagħha ser jiltaqgħu u għalhekk ser jinqala’ l-ġlied. Ħin meta tiġi manipulata u użata miż-żewġ ġenituri sabiex huma jieħdu dak li jridu, kontra l-ġenitur l-ieħor. Huwa dan li kienet qed tgħix ta’ kuljum din il-povra tifla. It-tifla bl-anzjetà li kienet qed teżebixxi, kienet qed turi li f’ħajjitha ma hix tħossha serena u sikura, purament ballun f’saqajn iż-żewġ ġenituri tagħha.”

L-omm xehdet billi qalet li r-relazzjoni mal-missier bdiet fis-sena 2009. Tgħid li r-relazzjoni tagħhom kienet dejjem waħda turbulenti u fil-fatt fis-sena 2010 stess hi kienet diġà fittxet l-għajnuna tal-Aġenzija Appoġġ u fis-sena 2016 inħarġitilha protection order mill-Qorti Kriminali. Spjegat il-problemi finanzjarji li kellhom bejniethom, sakemm fis-sena 2015 hija marret toqgħod ma’ xi ħbieb u sabet xogħol, sakemm sabet appartament il-Qawra fejn daħlet toqgħod mat-tifla tagħhom. 

Spjegat li fis-sena 2017, iffirmaw kuntratt ta’ kura u kustodja u l-missier obbliga ruħu li jħallas manteniment għall-bżonnijiet tat-tifla. Tgħid li mbagħad waqaf iħallashom u f’Settembru tas-sena 2019 waqaf għal kollox jikkontribwixxi għall-affarijiet tat-tifla. Tispjega li kemm hi u kemm il-missier kienu f’relazzjoni serja u li l-missier kellu wkoll wild mis-sieħba tiegħu u r-relazzjoni ta’ bejniethom ma kinitx ħażina. Tgħid li tatu sitt xhur ċans biex iħallas il-manteniment nieqes, sakemm imbagħad dan iż-żmien għadda u bdiet tirrapurtah u r-relazzjoni tagħhom ħżienet. 

L-omm spjegat li inċident tipiku kien dak li seħħ f’Awwissu tas-sena 2020, fl-okkażjoni tal-griżma tan-neputi tagħha meta hija kienet preparat lill-missier li kellha bżonn bidla fil-ġurnata tal-aċċess fil-weekend tal-griżma tan-neputi biex it-tifla tkun preżenti, u waqt li kienu qed ilestu, is-sieħeb tagħha (li kienet ser tiżżewġu ftit wara) mar għat-tifla hu, u l-missier ma riedx jibgħat lit-tifla miegħu.

Tgħid li  hu qalilha li l-minuri hija tifla u implika li ma jistax jibgħatha ma’ raġel kwalunkwe. Tgħid li dan kien ta’ insult għaliha u għas-sieħeb tagħha li kienu ser jiżżewwġu ftit wara u l-missier dan kien jafu. Tgħid li s-sieħeb tagħha kellu jirritorna mingħajr it-tifla u lit-tifla marret għaliha hi. 

Tgħid li kien beda ma jħallix lit-tifla tagħmel il-homework meta tkun miegħu u li tkun kielet affarijiet bħal noodles u popcorn biss għall-ikal ta’ nofsinhar jew għal ikla ta’ filgħaxija għand missierha. Tgħid li kienet bdiet tinkwieta għax meta l-missier kien jieħu lit-tifla lura mill-aċċess fis-6.30pm la kienet tkun għadha nħaslet u lanqas tkun għamlet il-homework u t-tifla kienet qed tikber. 

Irrappurtat lil missierha disa’ darbiet f’sena iżda sa llum ma tafx x’sar minn dawk ir-rapporti

Tenfasizza li t-tifla bdiet turi sinjali ta’ ansjetà u fil-fatt talbet lill-missier għall-kunsens biex tiġi assessjata iżda l-missier ma kienx jagħti l-kunsens tiegħu għal xejn. Beda anke mbagħad iwaqqafha milli tmur attivitajiet extra-kurrikulari waqt il-ħinijiet tal-aċċess. It-tifla bdiet tgħid lil ommha li ma tafx lil min għandha tafda iktar. L-omm iddikjarat li missierha kien qed jibbumbardjaha b’messaġġi differenti meta tkun miegħu. Tgħid li fil-medjazzjoni ma kienu qed jaslu mkien. Tgħid li fis-sena 2020 irrappurtat lill-missier disa’ darbiet iżda sal-lum ma tafx x’sar minn dawn ir-rapporti. 

L-omm tgħid li kienet għamlet rapporti wkoll għax il-missier ikun tard biex iwassal u jiġbor lit-tifla għall-aċċess. F’wieħed minn dawn ir-rapporti, hu kien nesa jiġbor lit-tifla minn attività tal-Iscouts u t-tifla kellha tistenna siegħa u nofs mal-Group Scout Leader li baqgħet magħha biex ma toqgħodx weħedha.

Barra minn hekk, il-missier lanqas induna li l-minuri kellha d-deni dakinhar u wara fil-fatt mardet sew u lill-omm beda jgħajjarha giddieba u heddidha li jirraportaha jekk ma tagħtihx l-aċċess. Irrifjuta wkoll li teħodha għand piskologa privata għax qal li hemm il-lista ta’ psikologi tal-gvern u għalhekk l-omm tista’ teħodha għand wieħed minnhom. 

L-omm iddikjarat li tagħmel x’tagħmel dwar il-ħinijiet u tirranġa kif tirranġa l-missier qatt ma kien jibdel l-attitudni tiegħu u għalhekk iddeċidiet li tibqa’ żżomm mal-kuntratt u ma tkunx flessibli. Tgħid li din tgħallmitha wara ħafna snin fejn pruvat iżżomm lill-konvenut kuntent u ddur max- xewqat tiegħu biex iżżomm il-paċi.

Tgħid li meta l-avukat tat-tfal tkellem magħhom, hija kienet overshadowed mill-missier u tħoss li mmanipula s- sitwazzjoni, filwaqt li meta daħlet it-tifla l-konvenut għamlilha sinjal b’għajnejh sakemm s-security officer keċċieh. F’Settembru 2021 imbagħad il-Qorti ddegredat li l-kura u kustodja tat-tifla għandha tkun konġunta. Tgħid  li wara dan, l-abbuż żdied u ppreżentat lista ta’ rapporti li tgħid li kellha tagħmel fil-konfront tal-missier għall-manteniment mhux imħallas; għaliex ma kienx qed jgħin lit-tifla fl-istudji tagħha; ma jeħodhiex attivitajiet extra kurrikulari u ma jżommx mal-ħinijiet tal-kuntratt. 

Qalet li minn naħa tal-missier, huwa beda jagħmel rapporti meta l-omm ma tibgħatx lit-tifla għall-aċċess għax ikun hemm vaganza jew it-tifla tkun ma tiflaħx u anke fi ġranet kwalunkwe meta l-missier lanqas biss kellu aċċess. Dan kollu tgħid kien abbuż u kienet għejjiet tispjega kull darba s-sitwazzjoni lill-Pulizija diversi. Tgħid li ħajjitha kienet spiċċat dedikata għal sigħat l-għassa tal-Pulizija. Tgħid li kienet spiċċat tirrapporta kollox biex ikollha referenza, tieħu r-ritratti u tibgħat l-emails. Tgħid li spiċċat għamlet ‘spreadsheet’ tar-rapporti kollha li kienet qed tagħmel biex iżżomm amment. 

Tilfet ix-xogħol b’paga  ta’ €35,000 fis-sena

Tgħid li saħansitra tilfet ix-xogħol tagħha ma’ kumpanija rinomata b’salarju ta’ €35,000 fis-sena, minħabba li ma setgħetx tikkonċentra fuq ix-xogħol u ma setgħetx toqgħod ‘lbogħod mill-mobile tagħha bil-Pulizija jippruvaw jikkuntattjawha jew il-missier jibgħatilha baraxx ta’ insulti fuq Whatsapp. Tgħid li waslet f’punt fejn ma riditx tagħmel rapporti iktar meta kienet qed iddum bejn siegħa u sagħtejn l-Għassa kull darba. Tgħid li kien jaqbadha ansjetà kbira tistenna lit-tifla quddiem l-Għassa għal sigħat sħaħ. Lejliet il-Milied tas-sena 2022 tgħid li stenniet għalxejn għax il-missier ma ħax lit-tifla lura u din ma kinitx l-unika darba li żammha għal ‘sleepover’ mingħajr ma avża lill-omm.

Kont naf li l-Pulizija kienet se  jgħidu lil missier x’qalet

it-tifla.u mă ridtx nikxifha….it-tifla użat il-kliem ‘bloody everywhere’

L-omm qalet ukoll li fis-sena 2023 waqfet tirrapporta lill-missier għal kollox. Kien jiġi tard, jagħmel ibbuljar fuq it-tifla u jgħidilha affarijiet li m’għandux jgħid. Tgħid li ħassitha ddisprata fis-sitwazzjoni. Tgħid li t- Taqsima taċ-Child Protection qalulha li ma setgħu jsibu l-ebda abbuż. F’Ottubru tas-sena 2023 il-missier qal lit-tifla li jaf fejn taħdem ommha u kien sejjer jagħtiha xebgħa. It-tifla qaltilha b’dan hi u tibki u użat il- kliem “bloody everywhere.” Tgħid li ma rraportatx dan għax kienet taf li l-Pulizija kienu ser jgħidu lill-missier x’qalet it-tifla u ma riditx tikxifha. Tgħid li qatt ma rċeviet l-ebda resolution għar-rapporti ta’ vjolenza domestika li għamlet. 

Il-missier hu ‘bully’ u  qed jitħalla jagħmel li jrid

L-omm qalet li huma jgħixu ħajja kawta ħafna u jippruvaw jissupportjaw lit-tifla kif jistgħu, konxji li f’ħafna vaganzi din mhux ser tkun magħhom, li ser titlef ħafna avveniment tal-familja u li ser tiġi lura mill-aċċess eżawrita. Tgħid li jippruvaw ipattu għal dan billi joħolqu spazju sigur għaliha fid-dar tagħhom. Tgħid li sabet xogħol li jħalliha tkun flessibbli u bdiet ‘cake business’. Tgħid li spiċċat litteralment skjava tax-xewqat tal-missier. Tgħid li l-missier hu bully li qed jitħalla jagħmel li jrid mingħajr ma jħallas xejn għar-responsabbilitajiet tiegħu. 

 It-tifla kienet maż-żija….rat lil missierha  ‘bjadet u qisha ffriżat’…bdiet titriegħed

Tixhed oħt l-omm u ssemmi incident li seħħ l-isptar meta t-tifla kienet magħha għax in-nannu matern kien għamel operazzjoni u t-tifla rat lil missierha għaddej l-isptar. Qalet li t-tifla “bjadet u qisha frizat” u “bdiet tgħidli li issa li raha kien se jeħodha, baqgħet tibża’, staħbiet u baqgħet titriegħed.” Tgħid li minn hawn u minn hemm ħaduha t-toilet u qagħdu għoxrin minuta hemm għax ma riditx toħroġ minħabba li skont hi missierha kien ser jeħdoha u jgħajjat magħha. 

It-tifla hi trawmatizzata minn missierha

Is-sieħeb tal-omm xehed li t-tifla hija trawmatizzata minn missierha u tibża’ li jarawh x’imkien u fil-fatt ma tkunx trid tmur postijiet partikolari fejn taf li tista’ tarah u xi drabi sħabha jkollhom jimxu magħha d-dar wara l-iskola għax tibża’ li se tara lil missierha u dan jeħodha miegħu. 

L-LSE xehdet li t-tifla qaltilha li missierha qalilha kemm hi ‘sexy’…ma riditx tagħmel ċertu movimenti fil-PE

L-LSE tat-tifla fix-xhieda tagħha qalet li  t-tifla, li issa għandha tlettax-il sena qaltilha li missierha kkummentalha kemm hi sexy. Kienet ukoll qed tħossha skomda fil-PE u ma riditx tagħmel ċerta movimenti bħal meta l-għalliema tgħidilhom biex jiftħu saqajhom etc. Madanakollu tgħid li hi staqsietha direttament jekk missierha qattx messha u t-tifla qaltilha li “le, lanqas xejn. Qaltli li ammira l-dik tiegħi.” Iddikjarat li  rreferietha mil-ewwel għand l-għalliema tal-Guidance dwar dan. 

Mix-xhieda tal-psikoterapista ħareġ li t-tifla kienet tkun anzjuża u konfuża u tinqabad bejn il-kwistjonijiet tal-ġenituri tagħha li kienu separati. Tgħid li ma kinitx tkun taf min minnhom qed jgħid il-verità sakemm bdiet tikber u timmatura u bdiet tifforma l-opinjoni tagħha. Tgħid li t-tifla dejjem baqgħet konsistenti f’dak li kienet tgħid. Tispjega li “t-tifla kellha biżgħat kbar, jiġifieri anka biex ġol-iskola ma kinietx tikkonċentra, ma kinietx tiffoka, anke tinsa. Dejjem qalbha maqtugħha li ħa tiġri xi drama, li ħa tispiċċa l- Għassa tal-Pulizija, tirrapporta u  dejjem kienet mimlija b’dawn it-tip ta’ ansjetajiet.”
Xehdet ukoll li t-tifla kienet qed tgħidilha li missierha kien qed jgħaddilha ċerta kummenti dwar il-figura tagħha li bihom kienet qed tħossha skomda bħal per eżempju “kemm int sexy, jikkummenta fuq sidirha.” It-tifla li tal-età ta’ tnax-il sena kienet għaddejja mill-pubertà kienet tħossha skomda ħafna. Kien ukoll jgħidilha dettalji dwar ir-relazzjoni tiegħu mas-sieħba bħal per eżempju li din weġġgħet l-ewwel darba li kellhom x’jaqsmu ma’ xulxin. 

Tifla li għexet it-tfulija tiġri  bejn għassa u oħra

Il-Qorti qalet li tara li għandha quddiemha każ ta’ minuri li għexet it-tfulija tagħha tiġri bejn għassa u oħra u tipprova ssib ħajjitha fost l-argumenti u l-piki tal-ġenituri tagħha.  Il-minuri llum għandha erbatax-il sena u wara li hija tkellmet mal-Avukat tat-Tfal, din tal-aħħar, preżentat rapport fis-27 ta’ Frar ta’ din is-sena 2025, fejn issuġġeriet li l-minuri tagħżel hi biss meta tara u tkellem lil missierha sakemm tagħlaq it-tmintax-il sena u li missierha ma jwaqqafhiex milli tara lin-nanniet paterni u lil oħtha Marlaine. Din il-Qorti, b’digriet tat-28 ta’ Frar 2025 adottat is-suġġerimenti tal-Avukat tat-Tfal u għalhekk fil-preżent il-minuri tiddeċiedi hi meta u jekk tridx tara lil missierha. 

Il-ġenituri ma mxewx fl-aħjar interessi ta’ binthom

…. l-pika mal-parti l-oħra tant tieklu minn ġewwa li jinsa li kull pass li jkun qed jagħmel 

Il-Qorti temmen li biex it-tifla waslet s’hawn, kien hemm l-id taż-żewġ ġenituri. Minn dak li qrat u studjat f’dawn l-atti, il-Qorti tara li ż-żewġ ġenituri iħobbu lil binthom, madanakollu ma jidhirx illi huma mxew fl-aħjar interessi tagħha. Jista’ wieħed ikun iħobb lil uliedu, iżda l-pika mal-parti l-oħra tant tieklu minn ġewwa li jinsa li kull pass li jkun qed jagħmel ikun qed jaffetwa lill-minuri li tkun qed tixrob dak kollu li jkun qed jiġri madwarha. Il-Qorti tagħmilha ċara li dan mhux każ ta’ separazzjoni fejn hija trid tara ta’ min huma t-tort tat-tkissir tar-relazzjoni ta’ bejn il-partijiet. Dan huwa każ fejn hija ser tiddetermina min ser ikollu l-kura u kustodja u kif ser jiġi eżerċitat l-aċċess, fi sfond ta ġurisprudenza li dejjem insistiet dwar id-dritt tal-ulied li jkollhom f’ħajjithom liż-żewġ ġenituri. 

Intqal li l-Qorti temmen li ż-żewġ partijiet huma ħtija tar-riżultat ta’ dak li għandna llum – tfajla ta’ erbatax-il (14) sena li ma tħosshiex komda tiltaqa’ ma’ missierha, sitwazzjoni xejn ideali fl-isfond tal-fatt li din il-Qorti dejjem saħqet li ż-żewġ ġenituri huma importanti fil-ħajja tal-ulied u l-ebda terza persuna idealment ma tieħu l-post tal-omm u l-missier naturali. Il-pika li hemm bejn il-partijiet hija indeskrivibbli u l-Qorti ma tistax b’kuxjenza safja taddebita lil waħda jew l-oħra mill-partijiet dan is-sens ta’ pika, għax hija konvinta li ġej miż-żewġ partijiet. Għalkemm jiġu preżentati kopji ta’ proċeduri kriminali kontra l-missier, fejn anke huma nvoluti terzi, u mhux l-omm u bintha, dawn ma jikkonvinċux lill-Qorti li kien min-naħa tal-missier biss li kien qed jagħmel l-affarijiet diffiċli. 

Il-pika bejn il-partijiet dwar l-aċċess tat-tifla, tinħass lampanti. Jirriżulta li kien hemm drabi fejn il-konvenut ħa lit-tifla tard lura mill-aċċess u kien hemm drabi fejn l-omm ħaditlu lill-minuri tard. Kien hemm mumenti fejn minħabba mard l-attriċi ma bagħtitx lit-tifla għall-aċċess, imma mbagħad  ma riditx tagħti lill-missier ftit ħin żejjed mat-tifla biex tpatti għall-ħin mitluf u riedet iżżomm strettament mal-kuntratt, bir-riżultat li l-missier jifrustra ruħu. Kien hemm drabi wkoll fejn il-missier qala l-inkwiet għax ma emminx lil omm, li t-tifla hija ma tiflaħx jew għalkemm emminha ried li t-tifla tmur xorta. Donnu li l-aċċess kien arma f’idejn il-partijiet li biha jpattuha lill-parti l-oħra u jinsew li f’nofs din il-battalja hemm tifla tiżfen fin-nofs, imbeżża minħabba dak il-ġlied li kien għaddej u mħawwda b’dak kollu li kien qed jingħad mill-ġenituri tagħha. Biex tgħaxxaqha, minħabba aġir tal-missier il-partijiet kienu qed jiltaqgħu biex jingħata l-aċċess ġewwa l-għassa tal-Pulizija, li ċertament ma hux il-post ideali sabiex it-tifla tħares lejn l-aċċess b’mod pożittiv. Ir-rapporti preżentati joħolqu sens ta’ eżasperazzjoni f’min jarahom, aħseb u ara fil-minuri li kienet qed tgħix dan kollu mal-ġenituri tagħha. Tant spiċċat titgerfex din it-tifla li tgħid lil ommha stess li ma tafx lil min għandha tafda u lill-psikoterapista tagħha, li ma tafx min mill-ġenituri qed jgħid il-verità.

Manipulata u użata miż-

żewġ ġenituri

Il-Qorti hija konvinta illi t-tifla kienet qed tassoċja l-ħin li tiltaqa’ ma’ missierha ma’ ħin konfuż, ħin fejn il-ġenituri tagħha ser jiltaqgħu u għalhekk ser jinqala’ l-ġlied, ħin fejn hi ser tiġi mistoqsija dwar l-opinjoni tagħha, dwar jekk hi tridx tmur naħa jew oħra u allura indirettament tagħżel lil min tħobb l-iktar mill-ġenituri, ħin meta tiġi manipulata u użata miż-żewġ ġenituri sabiex huma jieħdu dak li jridu, kontra l-ġenitur l-ieħor. Huwa dan li kienet qed tgħix ta’ kuljum din il-povra tifla. It-tifla bl-anzjetà li kienet qed teżebixxi, kienet qed turi li f’ħajjitha ma hix tħossha serena u sikura, purament ballun f’saqajn iż-żewġ ġenituri tagħha. Il-Qorti temmen ukoll illi l-missier għamel is-sitwazzjoni agħar għax jista’ jkun li kien jimmanipula iktar lill-minuri biex din tgħid kontra ommha jew biex tgħid ċerta affarijiet biex l-omm twaqqa’ xi akkużi kontra tiegħu. Il-Qorti fil-fatt semgħet ir-recording li preżentat l-omm mal-affidavit tagħha fejn huwa ċar li t-tifla kienet qed tiġi mġiegħla tgħid lil ommha u titlobha ċerta affarijiet kif kien qed jiddettalha missierha. Dan ovjament il-Qorti tikkundannah bil-qawwa kollha. Mhux biżżejjed il-minuri kienet qed tara dak il-ġlied u l-pika kollha bejn il-ġenituri, iżda kellha wkoll terfa’ r- reposonsabbilità li tgħid ċertu affarijiet biex “issalva lil missierha”. 

Il-Qorti temmen li l-minuri rat ħafna jseħħ quddiemha, rat trobbija mxekkla minn żjarat ġewwa għasses tal-pulizija fejn affaċjat ġenituri jargumentaw ma’ xulxin u fejn inħolqot fiha biża tremenda, nuqqas ta’ sigurtà u tewdhin kontinwu li jista’ jinqala xi ħaġa. L-aċċess ma’ missierha ġie assoċjat ma’ ġlied bejn il-ġenituri tagħha. Hija kienet tippreferi toqgħod ma’ ommha u ma jinqala’ xejn bejn il-ġenituri tagħha. 

Il-Qorti tikkundanna u twissi lill-ġenituri jieqfu

minn dan l-aġir jekk iridu l-ġid ta’ binthom

Il-Qorti ikkundannat bil-qawwa u wissiet lill-ġenituri sabiex jieqfu minn dan l-aġir infantili jekk verament jixtiequ l-aħjar għal binthom. Il-Qorti tinkwieta għal dak li kien qed jiġri riċentement f’ċertu aġir tal-missier lejha fejn ċertu kummenti kienu jew kienu qed jidhru li huma kummenti b’ton sesswali bħal meta l-missier jingħad li sejjaħ lit- tifla “sexy” u spiss kien “ifaqqa’ xi daqqa b’idu mal-warrani tal-minuri” u jikkummenta fuq sidirha, tant li l-minuri bdiet tħossha skomda l-iskola fil-lezzjoni tal-PE meta kien ikollhom jagħmlu ċerta movimenti bħal jiftħu saqajhom. Għalkemm it-tifla kienet ċara mal-LSE li missierha qatt ma messha, il-Qorti tieħu dawn is-sitwazzjonijiet bl-akbar serjetà, iktar u iktar meta t-tifla tgħid illi l-missier ikellimha dwar ir-relazzjonijiet sesswali tiegħu jew ġieli għamel dan. Il-Qorti tagħraf ukoll li din ma kinitx sitwazzjoni komuni fejn il-missier kien qed jaqdi l-obbligu tiegħu li jgħallem lil bintu li qed tikber, l-affarijiet tal-ħajja. Din kienet sitwazzjoni delikata fejn kellek minuri f’ambjent mhux sikur, minuri diġà anzjuża b’kull ma qed jiġri u minuri li ma kinitx tħossha li tista’ tafda lil missierha, minbarra li kienet minuri b’kundizzjoni. Għalhekk il-missier anke jekk għas-saħħa tal-argument ried jgħallimha xi ħaġa b’dak li kien qed jgħidilha jew ried jikkumplimentaha mingħajr fini ta’ xejn, xorta dak li kien qed jagħmel kien assulutament mhux floku u fil-fatt it-tifla kienet ċara mhux biss mal-Avukat tat-Tfal, iżda anke mal-psikoterapista illi “Le, t-tifla ehe m’għandhiex, ma tixtieqx bħalissa fiċ-ċirkostanzi kif qegħdin ma tixtieqx illi jkollha dawn it-tip ta’ kuntatti mal-papa’.” 

Il-Qorti tirrispetta x-xewqa tal-minuri

Il-Qorti qalet li f’dawn iċ-ċirkostanzi u f’dan il-każ fil-preżent tħoss li għandha tirrispetta x-xewqat tal-minuri. Il-Qorti tagħmilha ċara li din id-deċiżjoni ma hix bbażata biss fuq dak li l-minuri qalet l-aħħar lill-Avukat tat-Tfal, iżda minn dak kollu li ġara fil-każ. It-tifla waslet f’punt fejn minħabba l-mod kif il-ġenituri mxew fis-sitwazzjoni ta’ bejniethom hija daħlet f’għar ta’ biża’ u ma tħossihiex sikura u serena fil-ħajja. Għalhekk jekk il-Qorti ser tibqa’ tisfurzaha li jkollha aċċess mal-missier, fejn jista’ għalhekk ikun hemm kuntatt mal-omm u jkompli jinqala’ l-ġlied li jkompli jitfa’ l-minuri lura, ser tkun qed timxi iktar kontra l-interessi tagħha.  

Il-Qorti  iddeċidiet li l-kura u kustodja u residenza tal-minuri tingħata lill-imm u tkun l-omm waħedha li tieħu d-deċiżjonijiet kollha relattivi għall-minuri dwar saħħa u edukazzjoni kif ukoll għal safar. Dwar l-aċċess tal-missier, intqal li fil-preżent il-Qorti hija konvinta li l-minuri ma għandiex tiltaqa’ mal-missier fi ġranet u ħinijiet speċifiċi li joħolqu iktar tensjoni lilha milli ġid u għalhekk tordna li l-aċċess ikun meta l-minuri tħossha komda u bi ftehim mal-missier.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport