Rodi Garganico, l-Italja, kien il-bażi għall-flotta tal-powerboat Voomquest hekk kif komplew it-tlielaq tat-tieni Grand Prix għall-istaġun 2023. It-tlielaq li seħħew fi tmiem il-ġimgħa, ma kienux neqsin minn drama u azzjoni. Hat trick minn El Diablo – misjuqa minn Clive Butler u Sammy Grima rahom jiġu inkurunati rebbieħa tat-tieni Grand Prix.
L-ewwel tiġrija saret il-Ġimgħa wara nofsinhar, bit-Team Cutting Edge 77 jitlef l-ewwel tiġrija minħabba ħsara mekkanika li seħħet waqt it-tlielaq tal-prattika. El Diablo, Team Waistnot u Interceptor Remax spiċċaw fl-ewwel, it-tieni u t-tielet post, rispettivament, tal-ġurnata.
Is-Sibt, Team Cutting Edge li sewwew il-ħsarat li ġarrbu l-Ġimgħa filgħodu, setgħu jtellqu. Fil-bidu tat-tellieqa Team Waistnot kienu qedin fuq quddiem sal-aħħar dawra meta ħsara mekkanika rahom jonqsu li jduru ma baga u b’hekk jeħlu penali fil-proċess. Dan irriżulta li spiċċaw il-ġurnata fl-aħħar post. El Diablo ħa l-opportunità biex jaqbeż lil Waistnot u għal darb’oħra spiċċa fl-ewwel post. Kienu segwiti minn Team Interceptor Remax, u minn Team Marine Diffusion.
F’dik li kienet aktar dramma għall-flotta, il-ġirja ta’ prattika tal-Ħadd temmet it-tiġrijiet ta’ Marine Diffusion meta inżul iebes fuq in-naħa tagħhom rat id-dgħajsa tinqaleb. El Diablo temm it-tlielaq bla telfa. Team Waistnot patta għad-diżappunt tal-Ġimgħa meta spiċċa fit-tieni post, filwaqt li Team Cutting Edge spiċċa fit-tielet post. Diffikultajiet tekniċi mit-Team Remax Interceptor fissru li ma setgħux ilestu 70% tal-korsa tat-tellieqa, kif stipulat mir-Regoli tat-Tlielaq u b’hekk ma ngħataw l-ebda punt.
It-tielet Grand Prix tal-Voomquest Enemed UIM Powerboat World Championships se jsir fit-28, 29, 30 ta’ Lulju fi Brindisi, l-Italja.
Il-Voomquest Enemed UIM V2 huwa sponsorjat minn Enemed, Visit Malta, Chaudron Powerboats, Yachting Malta u Virtu Ferries.
Riżultati Overall Voomquest Enemed UIM V2 World Championships GP2
Tim | Sewwieqa | |
L-ewwel | El Diablo | Clive Butler / Sammy Grima |
It-Tieni | WaistNot | Aaron Ciantar / Jesmond Aquilina / Rhys Grima |
It-Tielet | Interceptor Remax | Michael Xuereb / Sam Howse |