Tinxtarta karozza għall-prezz ta’ €18,000. Tħallset biss kambjala waħda għaliha għax bdew jinstabu id-difetti. Il-Qorti iddeskriviet il-karozza bħala li ‘kienet misjura’. Minkejja dan, il-karozza ġiet ritornata iżda reġgħet inbiegħ wara u l-klijent li kien xtraha oriġinarjament ittella’ l-Qorti.
Il-Qorti tal-Appell kellha kliem iebes għall-kumpanija No Deposit Cars Malta, fejn irreferiet għal kuntratti bħala prattiċi qarrieqa. Il-kumpanija No Deposit Cars Malta hi proprjetà ta’ Chris Borg li għadd ta’ jiem ilu kien akkużat b’ħasil ta’ flus, konfoffa kriminali u gwadann frawdolenti għad-detrimenti tal-Gvern.
F’sentenza li ngħatat mill-Qorti tal-Appell joħroġ li l-kumpanija No Deposit Cars Matla fissret li b’kuntratt ta’ xiri bin-nifs tad-9 ta’ April, tas-sena 2019, Marck Cauchi xtara l-vettura Citroen C3 Auto. Tgħid li skont l-istess kuntratt, hu kien ftiehem illi jħallas it-total ta’ €18,000.00 b’pagamenti ta’ €300.00 fix-xahar fuq medda ta’ ħames snin.
Il-kumpanija qalet li Cauchi wettaq biss pagament wieħed ta’ €300.00 fid-9 ta’ April, tas-sena 2019, u sussegwentement waqaf milli jkompli jħallas mingħajr ebda raġuni valida u għaldaqstant saħqet li tilef il-benefiċċju tat-terminu tal-ħlas tal-prezz. Wara diversi tentattivi, Mark Cauchi ġie infurmat li jekk jibqa’ ma jħallasx il-pagamenti, il-karozza kienet sejra tinġabar lura.
Qalet li wara diversi xhur, il-karozza nġabret lura u qalet li l-bilanċ dovut hu dak ta’ €17,800.00. Il-kumpanija fetħet kawża u talbet lill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili biex iddikjara li Mark Cauchi kiser l-kuntratt ta’ hire and purchase u tiddikjara li Cauchgi huwa debitur tal-kumpanija bi €17,800.00.
Minn naħa tiegħu, Mark Cauchi qal li minn jeddu u mingħajr ebda interpellazzjoni rritorna lura lill-kumpanija vettura Citroen minħabba ħsarat konsiderevoli li kellha
Luke Milton impjegat tal-kumpanija kien xehed li “għaddew diversi xhur u ma sar ebda pagament. Sadanittant, aħna konna nikkuntattjaw lis-sur Cauchi, sabiex jekk ma jixtieqx jibdel il-vettura għall-mudell ieħor u jekk ser ikompli juża l-vettura, mela allura jibda jaffettwa l-pagamenti dovuti skont il-kuntratt u l-kambjali li kien iffirma.
Min-naħa tiegħu, Cauchi dejjem wegħdna li se jibda jħallas u li għandu l-mezzi suffiċjenti sabiex jonora l-obbligi tiegħu ai termini tal-kuntratt. Madankollu l-ebda pagament ieħor qatt sar. Eventwalment innutajt li kull ma ried kien sabiex itawwal iż-żmien biex ikompli juża l-vettura mingħajr ħlas.”
Minn naħa tiegħu Mark Cauchi xehed li “meta mort ġewwa l-uffiċċju ta’ No Deposit Cars f’Ħal-Farruġ kellimt lil Luke u għidtlu li kellhom isewwu l-vettura. Dak il-ħin huwa biddel id-diskors kollu li kien qalli u wara li kont diġà ħallast żewġ pagamenti, kont avżajtu li ma kontx sejjer inħallas aktar jekk mhux sejrin isewwu l-istess vettura.
Fil-fatt ta’ dan anke kont bgħattilhom ittra fil-5 ta’ Lulju tas-sena 2019 biex ngħidlihom fuq dan kollu. F’din l-ittra kont għidt dak li kien hemm fuq l-istess vettura sabiex jagħmlu tajjeb għal dak li jiena xtrajt. Fil-fatt ftit taż-żmien wara nirċievi ittra mingħand l-avukat tagħhom fejn qaluli li kont xtrajtha tale quale u nieqaf ngħid dawn l-affarijiet oħra.
Illi għalkemm kienu kważi għaddew xi tliet xhur u din il-vettura baqgħet ma saritilha ebda xogħol fiha, Luke bagħtli text message fejn kien qalli li lest li jibdilli din il-vettura u jagħtini oħra flok li kien tani. Dan il-mudell kien tal- għamla Citroen C bħalma kont xtrajt mingħandhom, però kienet aktar antika u kien sejjer iżomm l-istess prezz. Meta rrifjutajt urieni Citroen C4 Cactus li kienet tidher agħar minn dik li kont xtrajt u mhux talli hekk talli ried jgħolli l-prezz ukoll tagħha. Illi jiena rrifjutajt li nagħmel dan”.
Mis-sentenza joħroġ li “jirriżulta b’mod mill-aktar ċar, li fil-mument tal-bejgħ din il-vettura kienet altru milli misjura. Skont rapport datata fis-7 ta’ Ottubru, 2019 ex parte ta’ Natalino Agius il-vettura kienet maħbuta u kellha ħsarat fuq in- naħa tax-xellug. Jixhed li fl-istess jum li xtraha nnota li kien hemm xi ħsarat fil-vettura. Kien hemm fil-bumper, fil-bieba tan-naħa tal-passiġġier, fil-mera. Il-vettura nxtrat fid-9 ta’ April, 2019.
Intqal li “Qorti hi konvinta li l-kumpanija fil-mument tal-bejgħ kienet taf li din il-vettura kienet maħbuta u li kellha ammont ta’ difetti. Tifhem għaliex eskludiet il-garanzija tad-difetti latenti. Meta persuna tixtri u takkwista vettura “second hand” ikun ifisser żewġ affarijiet. Li min qiegħed jakkwistaha, il-mezzi finanzjarji tiegħu x’aktarx huma limitati u għalhekk ma jkunx jiflaħ għall-infieq żejjed u li xorta għandu jkun konsenjat oġġett li hu tajjeb għall-użu intenzjonat għalkemm irid joqgħod aktar attent minn meta jkun qiegħed jixtri oġġett ġdid.
Il-prinċipju tal-buona fede jibqa’ sagrosant anke fix-xiri ta’ oġġetti second hand. Għalhekk, din il-Qorti tasal għall-konklużjoni, li fil-każ imsemmi l-mezzi użati mill-kumpanija jammontaw għall-prattika kummerċjali qarrieqa peress li bil-preżentazzjoni totali tagħha, il-kumpanija qarrqet bil-klijent li din il-Qorti tikkunsidrah bħala konsumatur medju, u li għalhekk ġie mġiegħel jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra fir-rigward l-eżistenza jew in-natura tal-prodott mixtri, f’dan il-każ il-vettura inkwistjoni.
Il-Qorti tal-Appell fis-sentenza tagħha qalet li “l-kundizzjoni tal-karozza hija korroborata minn rapport ta’ Natalino Agius. F’dan ir-rapport hemm deskrizzjoni tad-difetti li fiha l-karozza. Huwa kkonkluda li l-karozza kellha indikazzjoni li kienet ġarrbet għadd ta’ ħsarat u li twettqu fuqha xogħlijiet mhux skont is-sengħa.
Meta xehed fil- kontroeżami hu qal hekk: ‘jiena l-ħsejjes li kellha mekkanikament issuġġerejt lis-sinjur illi qabel ma jagħmel riattivazzjoni tagħhom dawn, jara x’inhuma, għaliex jista’ jkun xi ħaġa pereżempju li r-rota titlef id-direzzjoni waqt li qed issuq. Issuġġerejtlu li qabel ma jagħmel dawn it-tiswijiet, il-karozza kemm jista’ jkun jieqaf milli jużaha hux.”
Intqal li “kuntrarjament għal dak li sostniet il-kumpanija attriċi, il-konvenut ma setax jinduna b’kull difett li kellha l-karozza għaliex uħud mill-problemi setgħu biss jiġu riskontrati minn espert fil-materja. Għalhekk l-Ewwel Qorti użat il-kelma preċiża, ċjoè li din kienet karozza misjura.”
Intqal li “r-rapport tal-espert maħtur mill-Qorti John Camilleri jgħid li huwa spezzjona l-karozza fit- 12 ta’ Marzu tas-sena 2022 u wasal għall-konklużjonijiet tiegħu fosthom li l-karozza ma kinitx tajba għat-triq. Biss però kif sewwa qalet il-kumpanija, li din l-ispezzjoni saret ferm wara li l-karozza ma baqgħetx fil-pussess ta’ Cauchi u wara li kienet inbiegħet lil terza persuna. Irriżulta li waqt li kienet f’idejn din it-terza persuna, il- vettura ġarrbet ħsarat kawża ta’ inċident. Filwaqt li hemm ċertu kostatazzjonijiet li huma komuni ma’ dak li kkonstata Natalino Agius, din il-Qorti tqis li ma tistax toqgħod fuq dan ir-rapport.
Din il-Qorti tqis li ġie ppruvat mill-klijent li l-karozza kienet maħbuta qabel inbiegħet lilu u li kienet ġarrbet ħsarat li ma ssewwewx skont is-sengħa. Kienet karozza misjura. Dan il-fatt kien mistur lill-klijent mill-kumpanija”. Il-Qorti tal-Appell iddikjarat li “huwa f’dan l-istadju li tidħol għalhekk il-prattika kummerċjali qarrieqa li twettqet mill-kumpanija.
Ma jistax ukoll ma jingħadx li din il-Qorti tinstab mistagħġba kif il-kumpanija aċċettat il-karozza lura mill-pussess tal-klijent, għaddiet biex biegħet il-karozza lil terzi u baqgħet tinsisti bl-azzjoni tagħha meta bl-aċċettazzjoni tal-karozza l-kuntratt inħall. Jingħad ukoll li l-kumpanija appellanti ħbiet il-fatt li l-karozza nbiegħet lil terzi.
Dan il-fatt ħareġ b’kumbinazzjoni għaliex il-konvenut għaraf il-karozza f’idejn terz. Tant huwa hekk li mbagħad kien hemm talba għal tnaqqis fil-prezz minn naħa tagħha proprju għax inqabdet.
Il-Qorti tal-Appell iddikjarat li l-kumpanija minflok nidmet mill-imġiba qarrieqa tagħha u qagħdet mas-sentenza tal-Qorti, il-kumpanija inqdiet b’dawn il-proċeduri tal-appell biex tkompli aktar tkidd u ddejjaq bla bżonn lill-konsumatur tagħha.
Bix-xieraq għalhekk li l-kumpanija tiġi kkundannata tħallas spejjeż addizzjonali skont il-liġi talli ressqet dan l-appell vojt, li kien ovvju li ma kien ħa jwassalha mkien.