Friday, December 13, 2024

Prattika abbużiva u llegali li jitwaħħal gps trackerma’ vetturi minn wara dahar il-konsumatur

Aqra wkoll

“Il-Qorti tkun qed tonqos li ma ssemmiex l il-prattika abbużiva u llegali, ammessa minn Christian Borg fix-xhieda tiegħu, li l-kumpanija No Deposit Cars Malta Ltd twaħħal gps tracker fuq kull vettura mibjugħa taħt titolu ta’ hire-purchase, mingħajr ma l-konsumatur ikun jaf biha. Aġir bħal dan huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ buona fede, imur totalment kontra l-prinċipju ta’ trasparenza, jledi d-dritt ta’ privatezza tal-individwu u jmur kontra r-Regolament tas-27 ta’ April 2016 (dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data). Dan iżjed u iżjed meta l-kuntratt innifsu jagħti x’jifhem li l-kumpanija ma tkunx taf il-lokazzjoni tal-vettura tant li x-xerrej huwa obbligat li immedjatament jiżvela lill-kumpanija fejn din tkun tinsab.”

Dan ġie rrimarkat f’sentenza tal-Qorti bejn Olivera Nikolic u l-kumpanija Princess Holdings Ltd. Il-każ kellu l-bidu tiegħu fit-13 ta’ Marzu tas-sena 2019, meta Olivera Nikoliċ daħlet fi ftehim ta’ hire-purchase ma’ No Deposit Cars Malta Ltd., kumpanija reġistrata Malta, bin-numru ta’ registrazzjoni C- 85780 u bl-istess indirizz registrat tas-socjeta intimata f’dawn il-proceduri Princess Holdings Ltd.

Il-karozza kienet Citroen DS3 bi ħlas ta’ €13,500 f’rati mensili ta’ €225 kull pagament li bdew fit-13 ta’ Marzu tas-sena 2019 u kellhom jibqgħu għaddejjin sat-13 ta’ Marzu tas-sena 2024, total ta’ sittin pagament. Il-vettura ingħatat mal-firma tal-kuntratt u kienet għalhekk fil-pussess ta’ Nikoliċ sa mill-firma tal-kuntratt in kwistjoni.

Ġara iżda li l-vettura nżammet reġistrata f’isem id-direttur u proprjetarju ta’ No Deposit Cars Malta Limited, li huwa l-istess direttur u proprjetarju tas-socjeta intimata f’dawn il-proċeduri Princess Holdings Ltd., u dana apparentement huwa l-modus operandi ta’ No Deposit Cars Malta Ltd. fir-rigward ta’ kull hire purchase agreement fuq vetturi li tidħol fih ma’ terzi.

Fis-17 ta’ Ottubru 2020, Nikolic wara illi pparkjat il-vettura tagħha fi Triq tal-Ħriereb fl-Msida, indunat li matul il-lejl din l-istess vettura sparixxiet mill-post fejn l-aħħar li kienet ipparkajtha xi hin qabel. F’dan is-sens sar-rapport fl-Għassa tal-Pulizija tal-Msida. Fid-19 ta’ Ottubru tas-sena 2020, Nikolic skopriet li din il-vettura flimkien ma’ l-effetti tagħha personali kollha li kien hemm fiha, kienet ittieħdet minn ħadd ħlief No Deposit Cars Malta Ltd. arbitrarjament, kontra l-liġi, mingħajr il-kunsens tagħha, u bil-ħabi minn ġewwa l-post fejn kienet ipparkjatha l-istess Nikolic.

Fil-fatt il-vettura kienet fil-pussess ta’ No Deposit Cars Malta Ltd. mis-17 ta’ Ottubru tas-sena 2020 u għadha fil-pussess ta’ l-istess No Deposit Cars Malta Ltd. sal-ġurnata tal-lum. Din il-vettura qatt ma reġgħet ġiet ritornata lill-Nikolic mis-17 ta’ Ottubru, li tilfet l-pusses tagħha kif ukoll l-użu.

Apparti dan, Nikolic kienet ġiet mġiegħla fid-19 ta’ Ottubru 2020 tirritorna ċ-ċavetta tagħha tal- vettura lil No Deposit Cars Malta Ltd. u din l-istess ċavetta ma ġietx mogħtija lura lilha.

Minkejja li saru l-pagament xorta ċaħdet li terġa’ tagħti lura l-pussess tal-vettura

Fis-sentenza tal-Qorti jingħad li “Nikolic kellha xi pagamenti b’lura, anki minħabba is-sitwazzjoni tal-pandemija, u b’dan ġiet mgħarrfa minn No Deposit Cars Malta Ltd. li ma qalulhiex li kien hemm xi problema imma fis-16 ta’ Ottubru tas-sena 2020 wara talba minn ċertu James li ċemplilha savbiex tmur tħallas dakinhar stess, infurmathom li t-Tnejn 19 ta’ Ottubru kienet ser tkun f’pożizzjoni li tmur tħallas ir-rati ta’ Lulju u Awwissu, Settembru u Ottubru, iżda minkejja dan fis-17 ta’ Ottubru, No Deposit Cars Ltd. dehrilha li trid tapproprja ruħha indebitament u bil-ħabi ta’ vettura li ma kinitx fil- pussess tagħha izda fil-pussess tal-Nikolic u dan mingħajr ebda awtorità jew ordni ta’ Qorti li tippermettilha tagħmel hekk.

Fid-19 ta’ Ottubru tas-sena 2020, tħallsu il-pagamenti li kienu dovuti għax-xhur ta’ Lulju sa Ottubru lil No Deposit Cars Malta Ltd. u ta’ dan No Deposit Cars Ltd, ma ħarġitx id-debita riċevuta lil Nikolic. Jingħad ukoll li għalkemm Nikolic dejjem talbet lil No Deposit Cars Malta Ltd. biex jirritornaw il-kambjali imħallsa u cjoe kambjali numru 1-19 inkluzi li jkopru pagamenti magħmulin minn Nikolic minn Marzu 2019 sa Otttubru 2020 inklużi, dawn qatt ma irritornawhom lilha.

Minkejja l-pagamenti effettwati, No Deposit Cars Malta Ltd. xorta ċaħdet li terġa’ tagħti lura l-pussess tal-vettura lil Nikolic, u l-vettura qatt ma reġgħet għaddiet għandha sal-ġurnata ta’ llum.

Fl-20 ta’ Ottubru, No Deposit Cars Malta Ltd. infurmat lil Nikolic b’messaġġ fuq it-telefon ċellulari tagħha li l-vettura tagħha kienet ser tiġi depożitata l-Qorti imma li xorta kellha tħallas il-flus ai termini tal-kuntratt.

Ġara iżda li l-ebda vettura, l-ebda cwievet u l-ebda proċedura ta’ depożitu ma saret fil-Qrati u l-uniku proċedura tentata kontra Nikolic hija l-ittra uffiċjali li qed issir oppozizzjoni ghaliha permezz ta’ dan ir-rikors; Mix-xhieda ta’ Christian Borg, li fiż-żmien tal-ftehim kien direttur u azzjonist solitarju kemm fil-kumpanija No Deposit Cars Malta Ltd u kemm fil-kumpanija intimata, ħareġ illi l-kambjali ġew ġirati minnu lill-istess kumpanija intimata dakinhar stess tal-ftehim (ossia fit-13 ta’ Marzu 2019) u dan peress illi hija prassi ta’ dawn il-kumpaniji li jsir hekk minħabba raġunijiet ta’ finanzjament.

Kif jinqabżu tlett pagamenti jibagħtu tow-truck sabiex tiġbor lura l-vettura mingħand il-klijent

Borg xehed “li l-ftehim bejn il-partijiet kien iffirmat minnu u li r-riċevuti rilaxxati lil Nikolic minn No Deposit kienu ffirmati minn ċertu James li kien il-credit controller. Mitlub jgħid għaliex fid-19 ta’ Novembru l-kumpanija kienet ippreżentat l-ittra uffiċjali mertu ta’ din il-proċedura sabiex inter alia teżegwixxi erba’ kambjali li kienu diġa tħallsu minn Nikolic, huwa wieġeb li huma kienu għaddew l-affarijiet lill-avukat tagħhom minn qabel ma saru l-ħlasijiet fid-19 ta’ Ottubru tas-sena 2020.

Skond hu, hija prassi tagħhom li meta jinqabżu tlett pagamenti jibagħtu tow-truck sabiex tiġbor lura l-vettura mingħand il-klijent u li huma jkunu jafu l-vettura fejn qegħda peress li l-vetturi kollha li jkunu ġew trasferiti taħt titolu ta’ hire-purchase kellhom GPS tracker imwaħħla magħhom.

Ix-xhud qal illi din m’hijiex indikata fil-kuntratti u li l- klijenti “m’humiex konxji” tagħha. Tenna li l-vettura ma ngħatatx lura lil Nikolic i meta għamlet il-ħlas ta’ € 900 f’Ottubru peresslli din kellha xi €600 f’multi li ma kinitx ħallset. F’seduta sussegwenti huwa esebixxa lista ta’ dawn il- kontravenzjonijiet.

Ix-xhud insista li Nikolic kienet taf li huma kienu ġejjin għall-vettura u qal ukoll li kienu ilhom iċemplulha biex tħallas dak li kellha b’lura iżda hija ma kinitx onorat il-wegħdiet tagħha li sejra tħallashom.Is-sentenza tgħid li “fis-seduta tal-24 ta’ April 2023 l-istess xhud Christian Borg qal li kien fid-19 ta’ Ottubru tas-sena 2000, meta marret biex tħallas l-arretrati, li No Deposit infurmat lil Nikolic bil-multi li kellha pendenti.

Dan ġara minħabba li l-kumpanija kienet tinforma lill-klijent bil-pendenzi li jkollu f’dan ir-rigward meta jmur biex jagħmel il-ħlas u fil-każ ta’ Nikolic kienet ilha xi erba’ jew ħames xhur ma tmur biex tħallas. Fuq mistoqsija tal-Qorti l-istess xhud però imbagħad qal li l-kumpanija kienet bagħtet messaġġi lil Nikolic dwar dawn il-multi. Mitlub jesebexxi dawn il- messaġġi x-xhud baqa’ m’għamilx dan f’seduti sussegwenti.

Olivera Nikolic xehdet li meta telgħet tixhed fis-seduta tad-29 ta’ April tas-sena 2024 li qabel ma marret tħallas il-pagamenti li kellha b’lura fid-19 ta’ Ottubru hija qatt ma kienet irċeviet xi informazzjoni dwar multi li ngħatawlha u l-ewwel darba li saret taf bihom kien proprju dakinhar. Qalet però li fil-passat kienet filfatt ħallset xi multi u dan meta kienet marret sax-showroom biex tagħmel il-pagamenti.

Qalet ukoll li fil-lista li ngħatatilha fid-19 ta’ Ottubru kien hemm multi li kienet ħallset fil-passat u li baqgħu jidhru bħala pendenti min-naħa tagħha. Fl-aħħar qalet li meta ħadulha l-vettura hija kellha xi affarijiet personali fiha fosthom nuċċali tax-xemx u tal-vista, ċwievet u anke dokumenti li kienu bagħtulha No Deposit.

Hija qatt ma semgħet jew kienet taf bil-kumpanija Princess Holdings Limited qabel ma rċeviet l-ittra uffiċjali mertu ta’ din il-proċedura. Il-Qorti irrimarkat li “l-kuntratt fih xi “żbalji” li b’mod intenzjonali jew le jagħmluh ambigwu u f’ċertu każijiet mhux intelliġibbli fosthom il-mod konfuż kif il-klawżoli huma numerati b’nuqqas ta’ distinzjoni bejn in-numri tal-klawżola prinċipali u dawk tal-klawżoli sussidjari b’konsegwenza li mad-daqqa t’għajn wieħed jista’ jaħseb li hemm numru ta’ klawżoli li jġorru l-istess numru, u il-valuri u s-somom skorretti indikati f’xi klawsoli li fost affarijiet oħra jindikaw li l-vettura hija valutata għal €0, li x-xerrej ma ħallas l-ebda depożitu għall-vettura u li hemm ‘administrative charge’ ta’ €0 ekwivalenti għal €25 għal kull kambjala.”

Fis-sentenza tagħha irrimarkat li “l-Qorti tkun qed tonqos milli ma ssemmiex ukoll il-prattika abbużiva u llegali, ammessa minn Christian Borg fix-xhieda tiegħu, illi l-kumpanija No Deposit Cars Malta Ltd twaħħal gps tracker fuq kull vettura mibjugħa taħt titolu ta’ hire-purchase, mingħajr ma l-konsumatur ikun jaf biha.

Aġir bħal dan huwa inkompatibbli mal- prinċipju ta’ buona fede, imur totalment kontra l-prinċipju ta’ trasparenza, jledi d-dritt ta’ privatezza tal-individwu u jmur kontra r-Regolament tas-27 ta’ April 2016 (dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data). Dan iżjed u iżjed meta l-kuntratt innifsu jagħti x’jifhem li No Deposit ma tkunx taf il-lokazzjoni tal-vettura tant li x-xerrej huwa obbligat li immedjatament jiżvela lill-kumpanija fejn din tkun tinsab.”

Il-Qorti irrimarkat li “fl-aħħar u ċertament mhux l-inqas, eżempju ċar ieħor ta’ klawżoli inġusti huma dawk li jagħtu d-dritt lil No Deposit li f’każ ta’ ksur ta’ kwalunkwe kundizzjoni tal-ftehim, titlob mhux biss il-ħlas immedjat tal-bilanċ (flimkien ma imgħaxijiet, other fees and charges u spejjeż legali) iżda f’każ li l-ħlas ta’ dan il-bilanċ ma jsirx fi żmien 30 ġurnata, il-klijent ikun intitolata jittermina l-ftehim, jieħu lura b’mod immedjat l-vettura u jitlob il-ħlas tad-danni.
Is-sentenza qalet li “naturalment m’huwiex il-kompitu ta’ din il-Qorti f’din il-proċedura li tiddikjara li l-kuntratt inkwistjoni huwa null u bla effett. Madanakollu huwa kompitu tagħha li tiddikjaralli l-kuntratt kif inhu huwa b’mod ċar suġġett għar-rexissjoni u għalhekk annullabbli.

Fid-deċiżjoni tagħha qalet li “fiċ-ċirkustanzi għalhekk il-Qorti tilqa’ l-eċċezzjoni mressqa minnha ex-officio billi tqis illi l-annullabilità tal-kuntratt li ta lok għall-ħruġ tal-kambjali mertu tal-ittra uffiċjali hija raġuni gravi u valida sabiex tiġi sospiża l-eżekuzzjoni tal-istess kambjali.”

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport