Saturday, November 9, 2024

Prattiki Kummerċjali Qarrieqa u d-Drittijiet tal-Konsumatur

Aqra wkoll

Fid-dinja mgħaġġla tal-lum, il-konsumaturi huma bbumbardjati b’reklamar ta’ prodotti u servizzi differenti. Qalb din l-abbundanza ta’ informazzjoni, il-konsumaturi jistgħu jispiċċaw vittmi ta’ prattiki kummerċjali inġusti li jistgħu jirriżultaw f’telf ta’ flus.

Prattiki kummerċjali inġusti jinkludu firxa wiesgħa ta’ tattiċi ta’ bejgħ li jistgħu jintużaw minn negozji biex iħajru lill-konsumaturi jagħmlu xiri li eventwalment jistgħu jiddispjaċihom li jkunu għamlu. Dritt fundamentali li għandhom il-konsumaturi huwa d-dritt għall-informazzjoni.

Aktar importanti minn hekk, il-konsumaturi għandhom id-dritt għal informazzjoni korretta u ċara dwar prodotti u servizzi offruti għall-bejgħ, inklużi l-prezzijiet, il-karatteristiċi, il-benefiċċji u r-riskji potenzjali tagħhom. Dan ifisser li l-bejjiegħa huma legalment obbligati li jipprovdu lill-konsumaturi b’informazzjoni ċara u mhux ambigwa sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni ta’ xiri infurmata.

Biex tissalvagwardja dan id-dritt, il-leġiżlazzjoni tal-konsumatur tipprojbixxi speċifikament prattiki kummerċjali inġusti. Prinċipalment hemm żewġ tipi ta’ prattiki kummerċjali li huma kkunsidrati inġusti, dawn huma prattiki qarrieqa u aggressivi. Prattiki kummerċjali qarrieqa huma normalment ir-riżultat ta’ informazzjoni falza jew ommissjoni ta’ informazzjoni importanti meta n-negozjant jippromwovi prodotti jew servizzi.

In-negozjanti jistgħu wkoll jinstabu ħatja li jkunu involuti fi prattiki qarrieqa jekk l-informazzjoni li jipprovdu ma tkunx ċara, diffiċli biex tinftiehem, u/jew ambigwa.
Il-leġiżlazzjoni tal-konsumatur tipprovdi lista ta’ prattiki speċifiċi li huma kkunsidrati qarrieqa u għaldaqstant ipprojbiti.

Dawn jinkludu: stqarrijiet foloz li prodott jew servizz partikolari huwa b’xejn meta fir-realtà ma jkunx; promozzjonijiet ta’ premjijiet fejn jew ma jkunx hemm premju jew il-konsumaturi jridu jagħmlu ħlas sabiex jingħataw il-premju; dikjarazzjonijiet foloz li kummerċjant ikun wasal biex jagħlaq il-ħanut; stqarrijiet mhux veri li l-prodotti jistgħu jfejqu mard jew diżabilitajiet; offerti limitati fejn in-negozjant jiddikjara b’mod falz li prodott mhux se jibqa’ disponibbli sabiex iwassal għal deċiżjoni ta’ xiri immedjata; tingħata l-impressjoni żbaljata li servizz ta’ wara l-bejgħ huwa disponibbli fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea; u wkoll b’mod falz toħloq l-impressjoni li l-kummerċjant mhux qed jaġixxi għal skopijiet ta’ negozju iżda f’isem konsumatur.

Prattika kummerċjali titqies ukoll qarrieqa jekk hemm il-possibbiltà li tqarraq bil-konsumatur medju (average consumer), anki jekk l-informazzjoni ppreżentata hija korretta. Konsumatur medju huwa wieħed li jitqies li huwa raġonevolment infurmat tajjeb, attent, u pjuttost kawt.

Prattiki ta’ bejgħ aggressivi huma wkoll ikkunsidrati inġusti għaliex dawn it-tip ta’ prattiki jfixklu d-deċiżjonijiet tax-xiri tal-konsumaturi. Tattiċi aggressivi tal-bejgħ jinkludu tattiċi li jippruvaw jintimidaw lill-konsumaturi, u kif ukoll prattiki li jippruvaw jieħdu vantaġġ mill-konsumaturi li jistgħu jiġu previsti bħala vulnerabbli minħabba diżabbiltà mentali jew fiżika, età jew kredulità.

Bħal fil-prattiki qarrieqa, il-leġiżlazzjoni tal-konsumatur telenka għadd ta’ prattiki kummerċjali li huma kkunsidrati aggressivi. Dawn jinkludu sitwazzjonijiet fejn il-kummerċjant joħloq l-impressjoni li l-konsumatur ma jistax iħalli l-post ta’ negozju sakemm jiġi ffirmat il-kuntratt tal-bejgħ; jew in-negozjant jirrifjuta li joħroġ mid-dar ta’ konsumatur wara li jkun mitlub jagħmel dan; jew it-teħid ta’ konsumatur lejn destinazzjoni remota mingħajr ebda trasport apparenti bir-ritorn; kif ukoll reklami mmirati direttament biex it-tfal jixtru prodotti jew jipperswadu lill-adulti jixtrulhom il-prodotti reklamati.

Prattiki kummerċjali inġusti huma pprojbiti fi kwalunkwe tranżazzjoni ta’ xiri li ssir bejn bejjiegħ u konsumatur, irrispettivament mill-prodott jew servizz, jew iċ-ċirkustanza tat-tranżazzjoni, tkun wiċċ imb wiċċ, permezz tat-telefon, internet jew posta.

Jekk il-konsumaturi jiltaqgħu ma’ prattiki ta’ kummerċ li jew ikunu qarrieqa jew aggressivi, dawn jistgħu jiġu rrappurtati lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-MCCAA, billi jċemplu fuq 80074400 jew permezz tal-formola Flag a Concern disponibbli fuq il-websajt tal-MCCAA: www.mccaa.org.mt.

Sport