Minn Cristian Muscat
Birkirkara …….2
Sirens …………0
Birkirkara bdew l-istaġun fuq nota mill-aktar pożittiva meta b’wirja ta’ karattru u b’żewġ goals fit-tieni taqsima huma għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 2-0.
L-Istripes iddominaw il- partita iżda wieħed stenna xi ħaġa aħjar minn Sirens, speċjalment wara l-bosta akkwisti li għamlu matul dan is-sajf.
Għall-Karkariżi ddebuttaw il-goalkeeper Giacomo Nava, Diego Pires Dall’Oca, Alex Da Paixo Alves, Alessandro Coppola, Kevin Tulimieri kif ukoll il-coach Taljan Giovanni Tedesco fuq il-bank.
Min-naħa ta’ Sirens, għamlu d-debutt tagħhom il-players kollha li kienu nklużi fil-formazzjoni inizjali ħlief għal Rei Tachikawa u Alex Cini.
Kienu Birkirkara li ħolqu l-ewwel azzjoni perikoluża wara biss ħames minuti meta Kurt Zammit xeħet cross li sab lil Federico Falcone li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tiġi salvata tajjeb mill-goalkeeper Andrea Cassar.
Huma komplew fuq l-offensiva u fil-25 minuta cross insidjuż ta’ Alex da Paixao Alves ġie interċettat tajjeb mill-istess Cassar.
Fit-28 minuta, il-coach Tedesco kellu jeffettwa sostituzzjoni sfurzata minħabba li weġġa’ l-attakkant Arġentin, Federico Falcone, biex minfloku daħal jilgħab il-kompatrijott tiegħu, Enzo Daniel Cabrera.
Fit-32 minuta Birkirkara tilfu cans tad-deheb li jiftħu l-iskor meta Kevin Tulimieri venven xutt minn distanza ta’ madwar 30 metru li ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper Cassar li dawwar f’corner bi bravura megħjun mill-wieqfa.
Fit-42 minuta, xutt ieħor mill-bogħod, din id-darba ta’ Paul Mbong intemm għoli.
Kien biss fil-51 minuta li wasal l-ewwel periklu ta’ Sirens fil-logħba meta l-Ġappuniż Kei Sano ttanta xortih permezz ta’ xutt fil-baxx mid-distanza li iżda ġie salvat minn mal-art u mingħajr diffikultá mill-goalkeeper debuttant Taljan, Giacomo Nava.
Madankollu, fis-60 minuta kienu Birkirara li fetħu l-iskor meta Alessandro Coppola kellu free-kick insidjuż salvat mill-goalkeeper Cassar li iżda ma żammx biex mir-rebound daħal tajjeb ALEX DA PAIXAO ALVES li mill-viċin tefa’ ġewwa.
Wara dan il-goal ir-ritmu naqas xi ftit għalkemm l-Istripes baqgħu l-aħjar team bl-azzjonijiet ikunu skarsi.
Iżda meta kollox deher li l-partita kienet se tintemm f’rebħa ta’ 1-0, l-Istripes irduppjaw fil-95 minuta minn DENIS CUSTODIO RIBEIRO wara li rċieva mingħand Alves.
BIRKIRKARA: 1-Giacomo Nava, 5-Enrico Pepe, 6-Diego Pires Dall’Oca (25-Neil Micallef 46), 7-Alex da Paixao Alves, 8-Yannick Yankam, 10-Paul Mbong (2-Osvaldo Iorio 92), 11-Kurt Zammit, 20-Federico Falcone (30-Enzo Daniel Cabrera 28) (77-Denis Custodio Ribeiro 81), 22-Cain Attard, 72-Alessandro Coppola, 92-Kevin Tulimieri – Coach: Giovanni Tedesco
SIRENS: 1-Andrea Cassar, 3-Gary Camilleri (17-Jacob Walker 75), 4-Weder Soares Da Silva, 6-Marcelo Muniz Perreira (9-Wellington De Oliveira 65), 7-Kei Sano, 8-Rei Tachikawa, 20-Sean Cipriott, 22-Alex Cini, 25-Vyctor Bento De Vale Paulo (72-Emmanuel David Promise Oluwatobi 75), 27-Ivan Kolev Vaselinov, 30-Gabriel Ventura Fernandes – Coach: Winston Muscat
REFEREE: Trustin Farrugia Cann
ASS. REFEREES: Luke Portelli, James Muscat
RABA’ UFF: Stefan Pace
SKORERS: A. Da Paixao Alves 60, D. Custodio Riberiro 92 (B)
AMMONITI: D. Pires Dall’Oca (B), W. Soares Da Silva (S)