Tarxien Rainbows ….1
Hamrun Spartans …..1
Minn Cristian Muscat
Iċ-champions tal-Malta Premier League, Hamrun Spartans, bdew id-difiża tagħhom bi draw diżappuntanti ta’ 1-1 mit-team promoss ta’ Tarxien Rainbows.
M’hemmx dubju li l-fatt li Hamrun jinsabu fil-qalba tal-avventura tagħhom fl-Ewropa, setgħet fissret li huma forsi kienu xi ftit għajjenin.
Fil-fatt huma jerġgħu ikunu mpenjati fil-play-off tal-UEFA Conference League nhar il-Ħamis li ġej, fejn se jkunu qed jaffrontaw lil Rigas FS tal-Latvja, bit-tama li jiksbu post fil-fażi tal-kampjonat tal-istess kompetizzjoni.
Filwaqt li dawn huma żewġ punti mitlufa mill-Ispartans, dan huwa punt mirbuħ minn Tarxien minħabba li Hamrun huma armati tajjeb biex ikomplu fejn ħallew fl-istaġun li għadda u jimmiraw għar-raba’ titlu konsekuttiv.
Ir-Rainbows ħasdu lill- Ispartans meta fetħu l-iskor wara biss żewġ minuti meta wara cross mix-xellug, kien FRANCISCO DE OLIVEIRA li permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiza mill-viċin għeleb għal kollox lill-goalkeeper ta’ Hamrun, Francisco Celio, li beda bejn il-lasti minflok il-goalkeeper veteran, Henry Bonello.
Hamrun Spartans wieġbu fit-12-il minuta hekk kif Moaud Al Fanis irċieva cross mil-lemin u ttanta xortih bil-ballun iżda jintemm barra.
Żewġ minuti biss wara kien Redon Mihana għall- Ispartans li venven xutt b’saħħtu minn tarf il-kaxxa li għadda ftit għoli.
Fit-42 minuta, kien hemm xutt iżolat ta’ Merlin Hadzi għal Hamrun li iżda ntemm barra.
Fit-tieni taqsima, il-Ħamruniżi ħarġu fuq l-offensiva fit-tentattiv li jiksbu d-draw kmieni … iżda sabu quddiemhom team determinat u dixxiplinat li ma ċediex pulzier.
Peró, ir-reżistenza Tarxiniża ċediet fis-76 minuta, meta wara li rċieva minn cross mil-lemin, VINCENZO POLITO, kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u mill-viċin tefa’ l-ballun fix-xibka biex b’hekk skorja l-ewwel goal tiegħu bil-flokk ta’ Hamrun.
Dan il-goal ta injezzjoni morali lill-Ispartans u wieħed se jantiċipa li huma setgħu jdawru telfa f’rebħa iżda r-Rainbows għalqu l-ispazji kollha fuq wara biex ix-xibka tagħhom baqgħet intatta sas-suffara finali.
TARXIEN R.: 1-Andrea Cassar, 3-Willian Filipe Salomao, 6-Tiago Conceicao Santos, 7-Octavio De Barros (54-Rafael Tavares 81), 9-Jonata Bastos (70-Wallison Dos Santos 71), 10-Claudio Henrique Da Silva, 11-Junior Erico De Oliveira (17-Gabriel Vella 60), 23-Huanne Da Silva Rosa, 27-Luc Magsom Zango, 74-Andreas Vella, 77-Marcus Grima – Coach: Jacques Scerri
HAMRUN S.: 98-Francisco Da Paz Silva, 3-Nikolai Micallef, 5-Sven Xerri, 6-Daniel Letherby (10-Joseph Essien Mbong 68), 9-Serigne Thioune, 13-Vincenzo Polito, 20-Jovan Cadenovic (8-Matias Nicolas Garcia 13), 28-Redon Mihana (24-Ante Coric 46), 33-Domandas Simkus, 47-Mouad El Fanis (7-Shaisen Attard 46), 77-Merlin Hadzi (94-Ryan Camenzuli 80) – Coach: Giacomo Modica
referee: Ezekiel Barbara
ASS. refereeS: Vasil Vasilev, Max-Lee Muscat
RABA’ UFF: Vladimir Rizoski
SKORERS: F. De Oliveira 2 (TR), V. Polito 76 (HS)
AMMONITI: A. Cassar, O. De Barros, C. Barbosa, M. Grima (TR), N. Micallef, D. Simkus (HS)
PLAYER TAL-LOGĦBA: Tiago Conceicao Santos (TR)