Thursday, November 7, 2024

Premier Ingliż: Antonio Conte jirritorna fi Stamford Bridge ma’ Tottenham …

Aqra wkoll

L-iktar logħba li tispikka fil-programm ta’ tmiem din il-ġimgħa hija d-derby ta’ Londra bejn Chelsea u Tottenham li se ssir għada fil­għaxija fi Stamford Bridge meta bħalissa l-forma taż-żewġ timijiet hija waħda kun­trastuża.

It-timijiet fl-ewwel żewġ postijiet, il-leaders Manchester City u dak ta’ warajhom, Liverpool, se jkunu barra minn darhom, is-City għand Southampton illum u r-Reds għand Crystal Palace għada.

Everton v Aston Villa – Wara r-rebħa 3-0 f’Villa Park lura f’Settembru, il-Villa qed iħarsu biex jiksbu l-ewwel double fuq Everton mill-2000-01 waqt li bħala player il-manager tagħhom, Steven Gerrard, kien fuq in-naħa rebbieħa kontra t2-Toffeemen iktar spiss minn kwalunkwe team ieħor fil-Premier League (16) u tilef erba’ darbiet biss mit-30 logħba kontrihom.

Il-Brażiljan u ex-kollega ta’ Gerrard ma’ Liverpool, Phi­lippe Coutinho, skorja fid-debutt kontra Manchester United biex sar il-ħames wieħed li skorja fl-ewwel żewġ logħbiet fil-kompetiz­zjoni wara Dalian Atkinson (1992), Dion Dublin (1998) Ross Barkley (2020) u Danny Ings (2021).

Ir-rekord taż-żewġ timijiet fl-aħħar ħames logħbiet huwa fotokopja meta t-tnejn kisbu rebħa u draw u sofrew tliet telfiet.

Brentford v Wolves – Brent­ford jistgħu jsiru t-tieni team promoss fil-Premier League li jagħmel double fuq Wolves wara Birmingham City fl-2009-10. Iżda Wolves tilfu darba biss fl-aħħar disa’ logħbiet barra minn darhom fil-kampjonat kontra timijiet promossi (rebħu 5, draw 3).

Wolves sofrew goal wie­ħed fil-logħob miftuħ fl-aħħar disa’ logħbiet fil-kampjonat, minn Divock Origi ta’ Liverpool, bl-oħrajn ikunu penalty minn Raheem Sterling ta’ Manchester City u free-kick minn James Ward-Prowse ta’ Southampton.

Fl-aħħar ħames logħbiet Wolves rebħu tlieta, ġew draw darba u tilfu darba bil-Bees jirbħu logħba u jitilfu l-erbgħa l-oħra.

Leeds U. v Newcastle U. – Wara rebħiet fuq Burnley 3-1 u West Ham 3-2 fl-ewwel żewġ logħbiet ta’ din is-sena, Leeds qed iħarsu għat-tielet waħda għall-ewwel darba mill-1973 meta l-manager kien Don Revie.

Min-naħa tagħhom Newcastle, issa taħt sidien mill-Arabja Sawdija, għadhom fiż-żona tar-relegazzjoni u wieħed irid jara minn fejn se jsaħħu t-team biex ma jkunux imbarazzati li jitilfu posthom mal-kbar qabel ma jkunu bdew jonqfu bil-kbir.

Il-winger Raphinha skorja fl-aħħar żewġ logħbiet kontra l-Magpies bl-aħħar darba li player tal-Peacocks skorja fi tliet logħbiet konsekuttivi jkun Albert Johanneson f’Ottubru 1967.

Leeds jinsabu tliet punti fuq Everton li lagħbu logħba inqas minnhom biż-żewġ timijiet isofru tliet telfiet fl-aħħar ħames ħarġiet.

Man U. v West Ham – Il-United se jippruvaw itawlu r-rekord bla telfa f’darhom kontra West Ham għal 14-il logħba bi Cristiano Ronaldo jkun involut f’seba’ goals fl-aħħar ħames logħbiet kontrihom (goals 6, assist 1).

Il-Hammers diġá rebħu f’Old Trafford dan l-istaġun meta għelbu lit-team ta’ Ralf Rangnick 1-0 fil-League Cup.

L-ex manager tar-Red De­vils, David Moyes, qatt ma rebaħ fil-kampjonat għand il-United f’14-il tentattiv (draw 4, tilef 10) b’Harry Redknapp biss jilgħab iktar logħob f’Old Trafford mingħajr ma jirbaħ fl-era tal-Premier League.

Southampton v Man C. – Iċ-champons qed ifittxu t-13-il rebħa konsekuttiva fil- kampjonat li fihom skorjaw 34 goal u sofrew sebgħa biss u mill-aħħar daba li tilfu 2-0 kontra Crystal Palace f’Ottubru, rebħu 36 punt, 13 iktar minn kull team ieħor.

Is-Saints ma tilfux fl-aħħar seba’ logħbiet home (rebħu 3, draw 4), l-aqwa sensiela f’St Mary’s wara dik ta’ disa’ logħbiet bejn Marzu u Ottubru 2016.

Arsenal v Burnley – Din il-logħba tara lit-team fis-sitt post, Arsenal, jilqa’ lil dak ta’ qiegħ il-klassfika, Burnley, li fi 17-il logħba kisbu rebħa waħda u tmien draws.

Iżda l-Clarets qed jaraw li jirbħu żewġ logħbiet wara xulxin fil-kampjonat fi żjarat għand Arsenal għall-ewwel darba. Huma rebħu ħames darbiet fl-aħħar disa’ logħbiet f’Londra (draw 1, tilfu 3) meta rebħu tliet darbiet biss fl-ewwel 30 logħba fil-kapitali (draw 4, tilfu 23).

Fl-aħħar ħames logħbiet Arsenal rebħu erbgħa u tilfu waħda waqt li Burnley ħadu żewġ draws u tliet telfiet.

C. Palace v Liverpool – Il-Palace rebħu tnejn mill-aħħar tliet logħbiet kontra timijiet li bdew il-ġurnata fl- ewwel tliet postijiet fil-klassifika (tilfu 1) meta dan l-istaġun għelbu lil Tottenham 3-0 u lil Mancheser City 2-0.

Min-naħa tagħhom Liverpool rebħu l-aħħar sitt logħbiet għand il-Palace li fihom skorjaw 19-il goal inkluża r-rebħa 7-0 fl-istess fixture fl-istaġun l-ieħor.

Il-player misluf mingħand Chelsea, Conor Gallagher, kien involut direttament f’10 goals fi 18-il logħba għall-Pa­lace (goals 7, assists 3). 

Liverpool, minkejja li jinsabu mingħajr Mohamed Salah u Sadio Mane li qed jilagħbu fit-Tazza tad-Naz­zjonijiet Afrikani, nhar il-Ħa­mis qatgħu l-passaġġ għall-finali tal-League Cup kontra Chelsea. S’issa huma jidhru li mhuniex sejrin ħażin mingħajr iż-żewġ stilel.

Leicester v Brighton – S’issa s-Seagulls rebħu t-tliet logħbiet li lagħbu fil-ġurnata tal-Ħadd dan l-istaġun inkluża dik 2-1 kontra Leicester f’Settembru. L-aħħar darba li rebħu erbgħa kien f’Diċem­bru 2008 u f’Marzu 2013, maqsumin bejn League One u ċ-Championship.

Leicester ġejjin minn telfa sofferta ta’ 3-2 kontra Tottenham li fiha dawn tal-aħħar dawru telfa f’rebħa b’żewġ goals fil-ħin miżjud.

Chelsea v Tottenham – L-ebda manager li kien ma’ Chelsea fil-Premier League ma rebaħ kontra l-Blues fi Stamford Bridge (draw 7, tilfu 13). 

Antonio Conte ta’ Spurs se jkun it-tmien wieħed li jipprova bl-aħħar tlieta jitilfu fl-ewwel tentattiv (Jose Mou­rinho, Rafael Benitez u Carlo Ancelotti).

Chelsea rebħu ħamsa mill-aħħar sitt logħbiet fil-kampjonat kontra Spurs (draw 10), fejn żammew clean sheet f’ħamsa minnhom.

Spurs rebħu l-aħħar żewġ derbies ta’ Londra meta qabel kienu tilfu ħamsa wara xul­xin.

Sport