Mill-bieraħ sa għada l-Ħadd qed jintlagħab it-28 programm tal-Premier League Ingliż u wara jkun fadal l-aħħar 10 logħbiet għal kull team li fihom ikunu magħrufa bosta topiċi interessanti bħal min se jirbaħ it-titlu, min se jidħol fil-kompetizzjonijiet Ewropej u min se jiġi relegat.
Iċ-champions Arsenal, friski mir-rebħa kbira 4-1 kontra l-ġirien Tottenham Hotspur, se jkunu nvoluti f’Derby ta’ Londra ieħor meta din id-darba se jkunu fl-Emirates Stadium kontra Chelsea fl-aħħar logħba tal-programm li ssir għada waqt il-ħin tat-té.
Il-Gunners ġejjin minn żewġ rebħiet, erba’ draws u telfa mill-aħħar seba’ logħbiet biex b’hekk ħadu 10 punti waqt li l-Blues marru aħjar minnhom meta rebħu 14-il punt minn erba’ rebħiet u żewġ draws u kellhom telfa waħda bħalhom.
It-team ta’ Mikel Arteta jinsab ħames punti fuq dak ta’ warajhom, Manchester City, iżda lagħbu logħba iktar minnhom. Għalhekk xejn inqas minn rebħa m’hija tajba għalihom waqt li ma rridux ninsew li Chelsea qed jitħabtu għal post fiċ-Champions League.
Min-naħa ta’ Manchester City huma se jmorru f’Elland Road biex jiltaqgħu ma’ Leeds United li huma viċin is-salvazzjoni għalkemm qed jagħtu logħba lil kull avversarju. Tant hu hekk li fl-aħħar waħda huma spiċċaw draw ta’ 1-1 ma’ Aston Villa fejn kienu dawn li kisbu l-goal tad-draw fit-88 minuta.
Is-City ġejjin minn erba’ rebħiet u draw bl-aħħar rebħa tkun dik 2-1 kontra Newcastle fl-Etihad Stadium fejn din id-darba ma kellhomx bżonn jistrieħu fuq il-goals tal-magna tal-goals, Erling Halland, iżda fuq iż-żagħżugħ Nico O’Reilly li skorja doppjetta fl-ewwel taqsima.
Iċ-champions Liverpool se jkunu f’Anfield biex jilqgħu lil West Ham li qed jitħabtu biex jevitaw ir-relegazzjoni. Huma ġejjin minn żewġ rebħiet, l-aħħar waħda 1-0 kontra Nottingham Forest fis-City Ground bil-goal jasal tard ħafna, minn Alexis Mac Allister fis-97 minuta.
Iżda meta fl-istaġun li ġej l-Premier League mistenni li jerġa’ jkollu ħames timijiet u aktarx iktar bħal dan l- istaġun, l-għan tar-Reds ma jidhirx diffiċli li jinkiseb.
Min-naħa tal-Hammers li ġejjin minn żewġ draws, is-salvazzjoni tagħhom ma tidhirx impossibbli jew diffiċli meta t-team żewġ postijiet fuqhom, Tottenham, għandhom żewġ punti biss iktar minnhom.
L-ewwel logħba ta’ kmieni wara nofs in-nhar tal-lum hija bejn Bournemouth u Sunderland li jinsabu mifrudin b’żewġ punti favur tal-ewwel li mill-aħħar 21 punt ħadu 15 li ġew minn erba’ rebħiet u tliet draws. U dan wara li bigħu lil Antoine Semenyo lil Manchester City.
Min-naħa tal-Black Cats l-affarijiet kienu xi ftit differenti meta rebħu żewġ logħbiet u sofrew ħames telfiet.
Team li qed jissielet kontra r-relegazzjoni wara staġun mal-kbar huwa dak ta’ Burnley li se jkun f’Turf Moor kontra Brentford li mill-aħħar seba’ logħbiet ħadu tliet rebħiet, draw u tliet telfiet.
Il-Clarets kisbu seba’ punti minn seba’ logħbiet li jfisser li tilfu 14-il punt minn 21.
Il-logħba l-oħra tal-lum tara lil Newcastle United iħabbtuha ma’ Everton f’St James Park bil-Magpies fil-11-il post, tnejn inqas mit-Toffeemen li għandhom punt iktar minnhom ukoll
Bi sforz tal-aħħar miż-żewġ timijiet huma jistgħu anke jiksbu post fl-Ewropa fejn dan l-istaġun it-team ta’ Eddie Howe wera li kapaċi jeħodha ma’ timijiet ta’ stoffa bħal ma wrew fiċ-Champions League meta flimkien ma’ ħames timijiet oħra mill-Premier League jinsabu kollha fl-Aħħar 16.
Waħda mit-tliet logħbiet ta’ għada wara nofs in-nhar tara lil Manchester United jiltaqgħu kontra Crystal Palace f’Old Trafford fejn bħalissa huma l-aktar team fil-forma meta ma tilfux fl-aħħar 10 logħbiet li minnhom ħadu sitt rebħiet u erba’ draws għal total ta’ 22 punt mit-30 li kellhom għad-dispoizzjoni tagħhom.
Bla dubju li huma t-team fil-forma u Bryan Mbuemo (9) u Benjamin Sesko (7) l-eroj tal-goals.
Min-naħa tal-Palace huma qed jiċċelebraw wara li kisbu post fl-aħħar 16 tal-Conference League meta din hija l-ewwel darba li huma qed jieħdu sehem fl-Ewropa.
Bħall-Palace, Nottingham Forest, li lura tard fis-snin 70 u kmieni fis-snin 80 rebħu t-Tazza taċ-Champions darbtejn, ukoll qed jiċċelebraw li kisbu post fl-aħħar 16 tal- Europa League wara ħafna snin u l-manager ġdid tagħhom, Vitor Pereira, ma jistax ikun iktar kuntent.
Iżda meta jinsabu żewġ punti biss fuq West Ham iridu joqogħdu attenti minn xi żelqa li tista’ tarahom jiġu relegati fiċ-Championship.
L-avversarji tagħhom, Brighton, jidhru ‘l isfel fil- klassifika, iżda meta għandhom disa’ punti iktar minn West Ham hija iktar diffiċli milli tidher biex jinqabdu fiż-żona l-ħamra.
Il-logħba l-oħra fil-programm ta’ għada hija Derby ta’ Londra ieħor meta Fulham jiltaqgħu kontra Tottenham fi Craven Cottage fejn il-Cottagers jinsabu bogħod minn kull periklu, iżda kuntrarju tagħhom Spurs xejn m’huma f’pożizzjoni trankwilla biex iħossuhom bħalhom speċjalment meta ġejjin mit-telfa f’darhom kontra Arsenal.

