Sunday, December 22, 2024

Premier Ingliż: Arsenal f’partita diffiċli kontra Liverpool f’Anfield

Aqra wkoll

Il-programm tal-Għid din id-darba huwa mifrux fuq dawn it-tlett ijiem minflok bħas-soltu jintlagħbu tnejn, illum u nhar it-Tnejn. Il-leaders Arsenal se jkunu fl-azzjoni għada meta jmorru għand Liverpool waqt li t-team ta’ warajhom, Manchester City, ikunu barra minn darhom ukoll kontra Southampton.

Bħalissa l-Gunners qed  igawdu tmien punti vantaġġ fuqhom iżda lagħbu logħba iktar u għalhekk meta jmorru f’Anfield żgur li jippruvaw li jirbħu t-tliet punti ħalli jkomplu jitfgħu l-pressjoni fuq is-City li jkunu jridu jirbħu akkost ta’ kollox.

Arsenal ġiethom ftit tajba minħabba li Liverpool qed ikollhom staġun deludenti tant li jistgħu jibqgħu barra miċ-Champions League meta jinsabu 10 punti wara r-raba’ t-team. 

Il-manager Jurgen Klopp qed jesperjenzja l-agħar sta­ġun mindu ngħaqad magħ­hom tmien snin ilu.

Min-naħa tas-City huma se jkunu f’St Mary’s biex jiltaqgħu ma’ Southampton għall-ħin tat-té b’dawn għaddejjin minn staġun xejn taj­jeb tant li jistgħu jitilfu posthom mal-kbar.

Is-City ġejjin minn rebħa 4-1 fuq Liverpool minkejja li kienu mingħajr l-iskorer pro­lifiku, Erling Haaland.

Iżda f’dawk li huma goals sħabu komplew mexjin fuq il-passi tiegħu.

It-team fit-tielet post, Manchester United, se jiftħu l-programm meta fil-ħin tal-ikel jilqgħu lil Everton f’Old Trafford meta dawn qed jissieltu kontra r-relegazzjoni. Iżda huma sabu lill-United determinati li jissiġillaw posthom fiċ-Champions Lea­gue meta bħalissa jinsabu fir-raba’ post b’punti ndaqs ma’ Newcastle li t-tnejn lagħbu logħba inqas minn Tottenham.

Intant Newcastle se jmorru għand Brentford li nhar l-Erbgħa tilfu 1-0 għand Manchester United u għalhekk iż-żjara tagħhom għand il-Bees mhux se tkun waħda faċli għalkemm il-Magpies ġejjin minn rebħa kbira 5-1 fuq West Ham u dik 2-0 kontra l-United il-Ħadd li għad­da.

Bi players fil-forma bħal Callun Wilson, Bruno Guimaraes, Joelinton u Alexander Isak, ma tafx fejn int kontrihom.

Chelsea jmorru f’Molineux biex jiltaqgħu kontra Wolves meta qed jissieltu għal post fiċ-Champions League għalkemm din tidher remota ħafna meta jinsabu 14-il punt wara r-raba’ team. Huma ħadu żewġ rebħiet, żewġ draws u żewġ telfiet mill-aħħar sitt ħarġiet waqt li Wolves xejn m’huma sejrin tajjeb b’rebħa biss minn sitt logħbiet meta jinsabu mhedda mir-relegazzjoni.

Aston Villa, li jinsabu fis-seba’ post u qed iħarsu lejn post fl-Ewropa, se jilqgħu lil Nottingham Forest li jinsabu fost erba’ timi­jiet b’27 punt kull wieħed fin-naħa t’isfel fil-klassifika.

Il-forma taż-żewġ naħat hija kuntrastuża meta l-Villa fallew żewġ punti biss fi draw fl-aħħar sitt logħbiet waqt li l-Forest ma ħadu l-ebda rebħa mill-istess numru ta’ logħbiet.

F’derby ta’ Londra, Fulham jilqgħu lil West Ham li ġejjin minn telfa f’darhom kontra Newcastle għalkemm wieħed irid jara kif se taffettwahom l-assenza tal-attakkant Alaksandar Mitrovic li jinsab sospiż tmien logħbiet.

Logħba kruċjali għal żewġ timijiet fil-periklu tar-relegazzjoni hija dik li se tintlagħab fil-King Power Sta­dium ta’ Leicester li se jil­q­għu lil Bournemouth me­ta t-tnejn qed jokkupaw post fl-aħħar tlieta tal-klassifika.

Minkejja li keċċew lill- manager Antonio Conte, Tottenham komplew fit-triq li kienu għaddejjin fiha tant li issa niżlu l-ħames biex iċ- ċansijiet tagħhom li jiksbu post fiċ-Champions League ħadu daqqa ta’ ħarta. Nhar it-Tlieta huma tilfu żewġ punti prezzjużi meta Everton kisbu d-draw kontrihom b’goal fl-aħħar minuta.

It-timijiet fit-12 u fit-13-il postijiet, Crystal Palace u Leeds United, jinsabu mifrudin b’punt b’dawn tal-aħħar jinsabu f’forma aħjar meta ħadu tliet rebħiet, żewġ draws u tilfu darba waqt li l-Palace kisbu rebħa u draw u tilfu l-erba’ logħbiet l-oħra.

Ekonomija

Sport