Saturday, February 21, 2026

Premier Ingliż: Arsenal f’partita mill-aktar diffiċli għand ir-rivali Tottenham Hotspur

Aqra wkoll

Is-27 programm tal-Premier League Ingliż se jintlagħab fuq tlett ijiem eżattament mil-lum sa nhar it-Tnejn fejn l-attenzjoni se tkun mixħuta fuq il-leaders Arsenal li wara d-’disfatta’ tad-draw ta’ 2-2 kontra Wolves nhar l-Erbgħa meta ħarbilhom vantaġġ ta’ żewġ goals għada jmorru għand l-ġirien Tottenham Hotspur.

Bit-telf ta’ dawn iż-żewġ punti issa l-Gunners jinsabu ħames punti fuq it-team ta’ warajhom, Manchester City, li anke lagħbu logħba inqas minnhom.

Fil-logħba kontra Wolves li tressqet ‘il quddiem min­ħabba li Arsenal se jkunu mpenjati fil-finali tal-League Cup kontra Manchester Cty, huma fetħu l-iskor minn Bukayo Saka (5) u rdoppjaw minn Piero Hincapie (56), iżda wara li Hugo Bueno (61) naqqas il-marġni b’goal stupend l-iskor sar 2-2 fl-94 minuta permezz tas-sostitut debuttant Tom Edozie bl- għajnuna tad-difensur Riccardo Calafiori.

Issa se jkunu mpenjati fid-Derby ta’ Londra kontra Spurs li dejjem tkun logħba miftuħa milgħuba b’passjoni li toffri lil dawn tal-aħħar, li jinsabu fil-bżonn tal-punti, biex ma jinqabdux fit-taqtiegħa kontra r-relegaz­zjoni.

Min-naħa tas-City huma se jilqgħu lil Newcastle United meta mill-aħħar sitt logħbiet ħadu tliet rebħiet, żewġ draws u telfa waqt li l-Magpies ġejjin minn żewġ rebħiet, draw u tliet telfiet.

Aston Villa, li jinsabu t-tielet, se jilqgħu lil Leeds United li għandhom rekord simili fl-aħħar sitt logħbiet ta’ żewġ rebħiet, żewġ draws u żewġ telfiet bit-team ta’ Unai Emery qed ikollu staġun tajjeb tant li jinsab fl-Aħħar 16 tal-Europa League.

Logħba bejn tnejn mill-erba’ Bs tal-Premier League, Brentford u Brighton, għandha toffri football attrajenti meta ż-żewġ timijiet jilagħbu football offensiv iżda bħalissa huwa t-team ta’ Keith Andrews li jinsab fl-aħjar forma mit-tnejn me­ta mill-aħħar sitt ħarġiet ħa 10 puti minn tliet rebħiet u draw.

Għall-kuntrarju s-Seagulls kellhom rekord negattiv meta ġejjin minn tliet draws u tliet telfiet meta anke jinsabu disa’ punti wara l-Bees li meta kienu taħt il-manager Thomas Frank kienu sejrin fl-istess triq iżda dan telaqhom għal Spurs li anke keċċewh mill- kariga minħabba li r-riżultati fit-Tottenham Stadium ma ġewx.

Il-logħba l-oħra tal-lum se tintlagħab fil-London Sta­dium li fiha West Ham se jilqgħu lil Bournemouth li jinsabu fid-disa’ post.

Mill-aħħar sitt logħbiet it-team tal-manager Spanjol, Andoni Iraola, ħa xejn inqas minn 14-il punt mit-18 disponibbli meta ġie miżmum draw fi tnejn minnhom.

Min-naħa tal-Hammers, dawn ħadu 10 punti meta ż- żewġ logħbiet l-oħra ntemmu fi draws.

Huma ma jinsabux ‘il bogħod mis-salvazzjoni me­ta jinsabu tliet punti wara Nottingham Forest, ħamsa wara Tottenham u sitta wara Leeds United.

Il-programm ta’ għada joffri erba’ logħbiet, tlieta wara nofs in-nhar u l-oħra fil-ħin tat-té. Crystal Palace, li ġejjin minn draw diżappuntanti ta’ 1-1 kontra Zrinjski Mostar fil-Bosnja, se jkunu f’Selhurst Park kontra Wolves li ġejjin mid-draw interessanti kontra l-leaders Arsenal, meta bħal fl-ewwel logħba li ntemmet 2-1 favur dawn, kienu qed jistennew xi goleada speċjalment wara li marru minn fuq wara ħames minuti.

Iżda l-logħba ntemmet f’paritá u issa rebħa oħra tarahom ineħħu l-istigma tal-agħar team li lagħab fil-Premier League li bħalissa tin­sab għand Derby County li fl-2008 ġew relegati bi 11-il punt. Bħalissa Wolves għand­hom punt inqas.

Il-Palace ma tantx sejrin tajjeb meta ħadu ħames punti minn 18 iżda issa għandhom lil Jorgen Strand Larsen li għadhom jieħdu mingħand l-istess Wolves u l-ġimgħa l-oħra beda b’doppjetta fit-telfa 3-2 kontra Burnley.

Iċ-champions Liverpool se jmorru għand Nottingham Forest meta ġejjin minn żewġ rebħiet, żewġ draws u żewġ telfiet bid-difett tagħ­hom dan l-istaġun ikun li qed isofru ħafna goals lejn it- tmiem u jitilfu l-punti.

Min-naħa tagħhom, il- Forest, li issa jinsabu taħt il-manager Portugiż, Vitor Pereira, kellhom bidu tajjeb fl-ewwel logħba taħtu meta għelbu lil Fenerbahce 3-0 fit-Turkija fl-ewwel leg tal-play-off tal-Europa League.

Il-logħba l-oħra hija bejn Sunderland u Fuham li jin­sabu fil-11 u fit-12-il postijiet bil-Black Cats żewġ punti fuq il-Cottagers, it-tnejn mingħajr l-ebda inkwiet tar-relegazzjoni.

Sunderland ħadu żewġ reb­ħiet u erba’ telfiet mill-aħħar sitt logħbiet waqt li Fulham ġejjin minn żewġ rebħiet, draw u tliet telfiet.

Finalment, il-programm jintemm nhar it-Tnejn bejn Everton u Manchester Uni­ted b’dawn qed jitħabtu biex ikunu fiċ-Champions Lea­gue. U meta l-Premier Lea­gue wisq probabbli li jerġa’ jkollu ħames timijiet l-għan tagħhom mhux diffiċli biex jintlaħaq.

Min-naħa tat-Toffeemen huma wkoll jistgħu jidħlu biċ-ċans għal post f’waħda miż-żewġ tazzi l-oħra dejjem jekk ma jsofrux xi niżlu fil-forma.

Il-United fallew li jagħmluhom ħames rebħiet infila meta l-aħħar li lagħbu ġew miżmuma draw ta’ 1-1 minn West Ham bil-goal tagħhom jasal fis-96 minuta minn Benjamin Sesko.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport