Saturday, January 18, 2025

Premier Ingliż: Arsenal jospitaw lil Aston Villa

Aqra wkoll

Wara l-waqfa minħabba t-tielet round tal-FA Cup, tintlagħab it-22 ġurnata tal-Premier League Ingliż bl-aktar logħba mistennija tkun dik li se ssir fl-Emirates Stadium bejn Arsenal u Aston Villa, li bħalissa jinsabu mifrudin bi tmien punti favur il-Gunners.

Arsenal ġejjin minn erba’ rebħiet u żewġ draws bl-aħħar ħarġa kontra l-ġirien Tottenham rathom joħorġu bit-tliet punti meta anke nhar l-Erbgħa kienu qed jilagħbu f’darhom.

Il-Gunners dawru telfa f’rebħa biex resqu erba’ punti wara Liverpool għal­kemm dawn lagħbu partita inqas minnhom li għandhom jir­kuprawha x-xahar id-dieħel.

F’din il-logħba Arsenal kienu mingħajr Gabriel Jesus li fit-telfa ta’ 2-1 kontra Manchester United, fl-FA Cup, sofra injury tal-cruciate u se jdum barra bosta xhur flimkien mal-winger Bukayo Saka li n-nuqqas tiegħu qed jinħass mit-team ta’ Mikel Arteta.

Min-naħa tagħhom il-Villa naqqsu mir-ritmu f’dawn l-aħħar ġimgħat tant li mill-aħħar sitt ħarġiet fil-kampjonat ħadu tliet rebħiet u draw u tilfu t-tnejn l-oħra.

Il-leaders Liverpool se jmorru għand Brentford u minkejja d-diż­gwid minħabba l-kuntratti ta’ tliet pedi­ni importanti, huma xorta jinsabu komdi fil-quċċata tal-klassifika.

Minkejja kollox Mohamed Salah baqa’ jsib ix-xib­ka avversarja waqt li goals minn saqajn jew ras Cody Gakpo, Luis Diaz u Diogo Jota, ma naqsux.

L-avversarji tagħhom Brentford jinsabu trankwilli f’nofs il-klassifika għalkemm il-manager tagħ­hom, Thomas Frank, jixtieq li jikkompetu fit-tazzi Ewropej. Għaldaqstant iktar ma jispiċċaw f’post għoli jiswielhom ħafna.

Il-programm tal-lum se jibda bil-logħba f’St James Park li fiha Newcastle se jilqgħu lil Bournemouth, propożizzjoni iktar b’saħħit­ha milli kienu Wolves nhar l-Erbgħa li għadda.

Il-Magpies jinsabu fis-seba’ sema b’rebħa wara l-oħra tant li għamluhom disa’ logħbiet rebbieħa fil-kompetizzjonijiet kollha. Huma għandhom lill-attakkant Svediż, Alexander Isak, kif ukoll lill-Ingliż, Anthony Gordon, fl-aqwa forma, bil-winger Jacob Murphy donnu li reġa’ “irxoxta” wara żmien twil barra mit-team.

Leicester City, li jinsabu qabel tal-aħħar, se jilqgħu lil Fulham fil-King Power Stadium meta jinsabu f’sensiela telliefa ta’ seba’ logħ­biet konsekuttivi għalkemm il-Cottagers mhux sejrin wisq aħjar minnhom meta ħadu rebħa u erba’ draws waqt li sofrew telfa fl-aħħar ħarġa matul il-ġimgħa meta sfaw megħluba 3-2 minn West Ham fl-ewwel logħba home fil-kampjonat tal-ma­nager ġdid tagħhom, Graham Potter.

Intant il-Hammers se jerġgħu jkunu home, din id-darba fid-derby ta’ Londra kontra Crystal Palace li taħthom hemm ħames timi­jiet  meta huma għandhom seba’ punti iktar minn Everton li jinsabu fis-16-il post.

Everton se jkunu home kontra Tottenham, żewġ ti­mijiet li fost il-ġimgħa sofrew telfa bi Spurs għandhom seba’ punti iktar minn Everton li ġejjin minn tliet draws u tliet rebħiet f’din l-ordni.

Issa t-Toffeemen reġgħu jinsabu taħt il-gwida tal- manager David Moyes li fl-ewwel perjodu ta’ 11-il se­na magħhom, mill-2002 sal-2013, ma rebaħx unur wieħed bl-iktar wieħed notevoli għalih ikun ma’ West Ham fl-2022-23 meta l-Hammers rebħu l-Conference League kontra Fiorentina.

Manchester United waq­qfu sensiela negattiva ta’   tliet telfiet u draw wara li nhar il-Ħamis għelbu lit-team tal-qiegħ, Southampton, 3-1, wara hat-trick tard minn Amad Diallo (82, 92 94) wara li kienu s-Saints li marru minn fuq fl-ewwel taqsima.

Din ir-rebħa għolliet il-moral tat-team ta’ Ruben Amorim meta anke għadhom fl-FA Cup bl-avversarji tagħhom, Brighton, ukoll ġejjin minn rebħa 2-0 kontra Ipswich Town f’Portman Road.

Wara t-telfa mal-United, Southampton se jerġgħu jkunu away din id-darba għand Nottingham Fo­rest meta din l-ġimgħa spiċċaw draw ta’ 1-1 kontra Liverpool u issa qed jokkupaw it-tielet post li mhux soltu jkunu qed jitħabtu għalih.

Qabel dan id-draw il- Forest ħadu sitt rebħiet fil-kampjonat li juri kemm qed ikunu konsistenti dan l-istaġun meta mmexxjin mill-manager Nuno Espirito Santo u l-persunal tiegħu. 

Ipswich għandhom logħba diffiċli kontra Manchester City minkejja li se jilagħbu f’darhom wara li nhar il-Ħamis sofrew telfa ta’ 2-0 minn Brighton b’goals fit-tieni taqsima.

Dan l-istaġun is-City sabuha diffiċli jilagħbu mingħajr Rodri f’nofs il-ground u dan intwera mir-riżultati  li qed jiksbu tant li mill-aħħar sitt logħbiet ħa­­du żewġ rebħiet, żewġ draws u żewġ telfiet, forma mhux daqstant familjari magħhom.

Il-programm jagħlaq nhar it-Tnejn bil-logħba fi Stamford Bridge li fiha Chelsea jilqgħu lil Wolves wara li fl-ewwel round f’Molineux għelbuhom bl-iskor tennistiku ta’ 6-2 meta l-eroj tagħhom kien Noni Madueke li skorja hat-trick fit-tieni taqsima.

Wolves bdew b’żewġ reb­ħiet u draw taħt il-manager il-ġdid, Vitor Pereira, iżda l-aħħar tnejn tilfuhom 3-0 kontra Nottm Forest u Newcastle bil-maġġoranza tas-sitt goals jiġu minn żbalji difensivi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport