Tuesday, December 24, 2024

Premier Ingliż: Arsenal v Man City … igawdu Tottenham?

Aqra wkoll

Wara żewġ telfiet konsekuttivi domestiċi u rebħa fiċ-Champions Lea­gue, iċ-champions Manchester City se jkollhom impenn diffiċli meta għada jagħlqu t-tmien programm tal-Premier League Ingliż meta jiltaqgħu kontra Arsenal fl-Emirates Stadium.

Bħalissa s-City qed igawdu punt vantaġġ fuq il-Gunners wara li s-Sibt li għadda sfaw megħluba 2-1 minn Wolves biex b’hekk tawhom l-ewwel telfa fil-kampjonat wara sitt rebħiet konsekuttivi.

Iżda t-team ta’ Pep Guardiola rritorna għar-rebħ meta nhar l-Erbgħa għeleb lil RB Leipzig 3-1 fiċ-Champions League. Min-naħa ta’ Arsenal huma ġejjin minn telfa 2-1 kontra Lens fiċ- Champions League wkoll. Is-City se jkollhom lill-midfielder Rodri sospiż.

Il-programm jibda bil- logħba ta’ ħin l-ikel bejn Luton Town u Tottenham li qed jokkupaw pożizzjoni­jiet kuntrastużi: Spurs fit-tieni post u Luton ir-raba’ mill-aħħar fejn bla dubju it-team ta’ Ange Postacoglu ma jidhirx li għandu jfalli xi punti.

Spurs ġejjin mir-rebħa kontroversjali bl-iskor ta’ 2-1 kontra Liverpool li fiha r-Reds kellhom goal validu annullat waqt li Diogo Jota u Curtis Jones ġew imkeċċija b’mod kontroversjali wkoll. 

Nhar it-Tlie­ta Luton lagħbu l-logħba li kel­lhom nieqsa kontra Burnley f’Kenilworth Road li fiha sfaw megħluba 2-1.

Burnley se jilqgħu lil Chelsea li grazzi għar-rebħa 2-0 kontra Fulham it-Tnejn li għadda issa telgħu fil-11-il post u kif ngħiduha bil-Malti: inġabru xi ftit.

Għall-Clarets se jirritorna Lyle Foster minn sos­pensjoni u għall-Blues Ni­colas Jackson se jagħmel l-istess għalkemm Malu Gusta jinsab sospiż għat-team immexxi minn Mauricio Pochettino.

Manchester United se jkunu f’Old Trafford biex jilqgħu lil Brentford meta tal-ewwel jinsabu żewġ punti iktar mill-Bees fl-10 post b’dawn qed jokkupaw l-14-il post.

Il-United xejn ma kel­lhom bidu feliċi dan l- istaġun meta tilfu erba’ logħbiet bis-sebgħa li lagħbu bl-aħħar waħda tkun dik 1-0 kontra Crystal Palace li ftit jiem qabel kienu għelbuhom 3-0 fil-League Cup.

Barra minn hekk il-Uni­ted ġejjin mit-telfa 3-2 f’darhom kontra t-Torok, Gala­tasaray fiċ-Champions Lea­gue, b’dawn anke fallew penalty minn Mauro Icardi li mill-11-il metru tefa’ barra.

Everton, li jinsabu l- ħames mill-aħħar, se jilagħbu kontra Bournemouth li jinsabu qabel tal-aħħar punt inqas minnhom. Everton kisbu rebħa u draw waqt li ċ-Cherries ħadu tliet punti minn daqstant draws.

Il-logħba tal-lum filgħa­xija se tkun dik li se tintlagħab f’Selhurst Park bejn Crystal Palace u Nottm Fo­rest biż-żewġ timijiet jieħdu rebħa biss minn aħħar ħames ħarġiet.

It-team ta’ Roy Hodgson jinsab fid-disa’ post bi 11-il punt, tnejn iktar mill-Forest li llum se jkollhom nieqes Moussa Niakhate għax jin­sab sospiż.

Il-logħba l-oħra tal-lum hija dik bejn Fulham u Sheffield United bil-Cotta­gers għandhom ċans li ji­tilgħu xi postijiet u jħallu lil Blades fl-aħħar post tal-klassifika meta għandhom punt wieħed biss x’juru.

Għada wara nofs in-nhar se jintlagħbu tliet logħbiet qabel ma ssir il-logħba l-kbira bejn Arsenal u Manchester City.

Liverpool se jippruvaw jinsew il-kontroversja tat- telfa kontra Tottenham meta jmorru għand Brighton li għandhom il-ħila li jagħtu logħba diffiċli lil kull avversarju.

Is-Sibt li għadda s-Seasiders kienu fin-naħa l-ħażina ta’ skor tennistiku, 6-1, meta kienu f’darhom kontra Aston Villa. Imbagħad nhar il-Ħamis kisbu draw kredi­tabbli ta’ 2-2 kontra Marseille fi Franza wara li kienu sabu ruħhom żewġ goal minn taħt.

Il-logħba għandha tkun waħda missielta meta Liverpool jinsabu fis-sitt post, żewġ punti taħt il-leaders waqt li Brighton jinsabu s-sitta  punt warajhom.

Logħba bejn żewġ timi­jiet ġejjin minn rebħiet fl-Ewropa hija dik bejn West Ham u Newcastle b’dawn jiksbu rebħa impressjonanti ta’ 4-1 fuq Paris St-Germain.

Intant huma l-Hammers li jinsabu fis-seba’ post punt iktar mill-Magpies li rebħu l-aħħar tliet logħbiet fil- kampjonat.

Finalment Wolves se jkunu f’Molineux biex jilq­għu lil Aston Villa fid-derby tal-Midlands biż-żewġ timijiet ġejjin minn rebħiet impressjonanti kontra Manchester City u Brighton ris­pettivament waqt li l-Villa rebħu fl-Ewropa wkoll meta għelbu lil Zrinjski Mostar b’goal uniku fl-94 minuta minn John McGinn.

Wolves għandhom lill- attakkant Jean-Ricner Bellegarde sospiż.

Ekonomija

Sport