Il-15-il programm tal-Premier League Ingliż li se jkun mifrux fuq tlett ijiem mil-lum sa nhar it-Tnejn, ma setax ikollu bidu aqwa meta fl-ewwel logħba ta’ kmieni llum wara nofs inhar Aston Villa jilqgħu lil Arsenal f’Villa Park.
Dan meta bħalissa l-Villans jinsabu sitt punti biss wara l-Gunners li qed jillidjaw il-klassifika wara li bdew l-istaġun bi tliet draws u żewġ telfiet tant li anke għamlu xi ġranet jokkupaw il-post ta’ qabel l-aħħar.
Iżda minn dak inhar it-team ta’ Unai Emery għamel passi ta’ ġgant meta mill-aħħar disa’ logħbiet rebaħ tmienja u tilef darba biss li kienet il-ħames waħda jiġifieri dik tan-nofs.
Fl-aħħar logħba kontra Brighton huma sabu ruħhom żewġ goals minn taħt iżda dawru l-iskor għal 3-2 u finalment ħarġu rebbieħ 4-3 meta Ollie Watson irritorna għall-goals b’doppjetta.
It-team fit-tieni post, Manchester City, se jkunu f’darhom kontra Sunderland li ġejjin minn draw siewi ta’ 1-1 kontra Liverpool f’Anfield li bih qed jokkupaw is-sitt post biex wieħed jista’ jgħid li huma r-rivelazzjoni tal-istaġun meta rebħu l-promozzjoni f’Mejju li għadda.
Min-naħa tas-City huma kienu nvoluti f’logħba tal-ġenn meta għelbu lil Fuham 5-4 f’Londra u li kieku spiċċaw fi draw ħadd ma kien jgħid xejn.
Mill-aħħar disa’ logħbiet is-City tilfu darbtejn u l-kumplament rebħuhom kollha biex b’hekk żammew viċin Arsenal li qed igawdu ħames punti fuqhom.
Chelsea, li fost il-ġimgħa tilfu 3-1 għand Leeds, se jerġgħu jkunu barra minn darhom meta jmorru għand Bournemouth li l-forma tagħhom ta’ dan l-aħħar marret lura meta mill-aħħar ħames logħbiet tilfu erbgħa u ġew draw waħda.
It-tliet punti li rebħu Leeds rawhom jitbegħdu tliet punti miż-żona tar-relegazzjoni waqt li l-Blues weħlu fl-aħħar żewġ logħbiet wara li kienu ħadu ħames rebħiet wara xulxin.
Iċ-champions Liverpool komplew bl-istaġun deludenti meta mill-aħħar disa’ logħbiet ħadu żewġ rebħiet, draw u sitt telfiet. Ċertament li mhux forma ta’ champions meta anke qed jokkupaw it-tmien post.
Qed jingħad li hemm diżgwid bejn il-players u l-manager Arne Slot u kif huma sejrin l-affarijiet fil-ground dan xejn mhu bogħod mill-veritá. Players bħal Mohamed Salah, Virgil Van Dijk u Ibrahima Konate, m’huma qed jgħinu xejn f’dan ir-rigward.
Tottenham u Brentford se jkunu nvoluti f’Derby ta’ Londra meta t-tnejn mhux għaddejjin minn forma tajba bħalissa. Spurs ħadu żewġ draws u tilfu erba’ darbiet fl-aħħar sitt ħarġiet waqt li l-Bees ħadu tliet rebħiet u tliet telfiet bit-tnejn għandhom 19-il punt fit-tieni nofs tal-klassifika.
Newcastle qed ikollhom staġun imħallat b’ħames rebħiet, erba’ draws u ħames telfiet.
Iżda l-avversarji tagħhom, Burnley, jinsabu qabel l-aħħar bi tliet rebħiet u draw meta ġejjin minn ħames telfiet konsekuttivi.
Il-Clarets jinsabu erba’ punti bogħod mis-salvazzjoni meta qed jokkupaw il-post ta’ qabel l-aħħar.
Wara d-draw 1-1 li kisbu kontra Manchester United nhar il-Ħamis, West Ham għandhom logħba delikata oħra meta jmorru għand Brighton meta dawn jinsabu fis-seba’ pożizzjoni bi 22 punt.
L-ewwel miż-żewġ logħbiet li se jsiru għada hija Derby ta’ Londra oħra li se tlaqqa’ lil Fulham kontra Crystal Palace meta dawn tal-aħħar qed ikollhom staġun tajjeb tant li anke qed jokkupaw il-ħames post, sitt punti iktar mill-Cottagers li jinsabu fil-15-il post.
Fulham għadhom kif tilfu 5-4 kontra Manchester City iżda li skorjaw erba’ darbiet kontra t-team ta’ Pep Guardiola mhux xi ħaġa li tiġri spiss.
Imbagħad issir il-logħba ta’ waqt il-ħin tat-té li fiha Everton jilqgħu lil Nottingham Forest meta t-tnejn ġejjin minn rebħa ta’ 1-0, Everton għand Bournemouth u l-Forest għand Wolves.
Bħalissa t-Toffeemen għandhom sitt punti iktar mit-team ta’ Sean Dyce biż-żewġ timijiet ġejjin b’rekord identiku ta’ tliet rebħiet, draw u żewġ telfiet.
L-aħħar logħba hija bejn Wolves v Manchester United f’Molineux li ssir it-Tnejn filgħaxija fejn tal-ewwel għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa meta kull ma ħadu huma żewġ punti u jinsabu 12-il punt mis-salvazzjoni.
Min-naħa tal-United huma telgħu fit-tmien post wara bidu ferm inċert għalkemm id-draw tal-Ħamis ma’ West Ham huwa daqqa ta’ ħarta għalihom meta rebħa kienet ittellagħhom fil-ħames post.
MAN U. MIŻMUMA – Manchester United spiċċaw fi draw ta’ 2-2 kontra West Ham f’Old Trafford meta kollox deher li kienu viċin ir-rebħa. Huma marru fil-vantaġġ mid-difensur Diogo Dalot (58) iżda Soungoutou Magassa (83) kiseb id-draw għall-Hammers li baqgħu t-tielet mill-aħħar bi 12-il punt.


