Bħalissa huma qed jokkupaw it-tielet u r-raba’ postijiet bil-Villa qed igawdu vantaġġ ta’ seba’ punti fuq l-avversarji tagħhom. U dan meta qed nersqu lejn l-ewwel nofs tal-istaġun meta għal dan fadal żewġ logħbiet oħra għal kull team.
Wara bidu nċert li fih ħadu tliet punti minn 15, it-team ta’ Unai Emery patta sew għal dan meta t-12-il logħba ta’ wara rebħuhom kollha minbarra waħda jiġifieri ħadu 33 punt.
Min-naħa tal-Blues, huma kisbu 21 punt li ġew minn sitt rebħiet u tliet draws waqt li kienu fuq in-naħa telliefa tliet darbiet ukoll. Ċertament li l-forma tal-Villa tiżboq bis-sħiħ lil dik tat-team ta’ Enzo Maresca li qed jissemma’ li jista’ jieħu post Pep Guardiola jekk dan iħalli lis-City fit-tmiem l-istaġun.
Manchester City jinsabu viċin ħafna tal-Gunners meta żewġ punti m’huma xejn għalihom meta ġejjin minn telfa waħda fl-aħħar tmien ħarġiet.
Huma se jkunu nvouti fl-ewwel logħba ta’ kmieni llum wara nofsinhar meta se jmorru għand Nottingham Forest li jinsabu ħames punti biss bogħod miż-żona l-ħamra.
U jekk nhar is-Sibt is-City kisbu rebħa komda ta’ 3-0 kontra West Ham mhux l-istess għamlu l-Forest meta nhar it-Tnejn sfaw megħluba 1-0 minn Fulham bil-goal jasal minn penalty.
Wara li nhar it-Tlieta, Arsenal għaddew għas-semi-finali tal-League Cup meta għelbu lil Crystal Palace bil-penalties, huma se jerġgħu jkunu fl-Emirates Stadium biex jiltaqgħu kontra Brighton li jinsabu trankwilli fit-tmien post b’24 punt.
Il-Gunners rebħu l-aħħar logħba meta għelbu lil Everton barra minn darhom b’goal minn penalty fl-ewwel taqsima minn Viktor Gyokeres.
Logħba bejn żewġ timijiet li jinsabu mifrudin b’punt hija dik bejn Brentford u Bournemouth fejn il-Bees ħadu tliet rebħiet u tliet telfiet mill-aħħar seba’ logħbiet u ċ-Cherries ħadu erba’ draws u tliet telfiet minn daqstant ħarġiet.
B’hekk jidher li din hija logħba li tista’ tmur kull naħa meta t-tnejn m’humiex iddisptrati għat-tliet punti billi d-distakk li għandhom fuq it-tielet team mill-aħħar huwa wieħed sostanzjali.
It-team ta’ qabel l-aħħar, Burnley, se jospita lil Everton li jinsabu 13-il punt fuqhom meta qed ikollhom staġun sodisfaċenti mingħajr l-ebda nkwiet tar-relegazzjoni.
Il-Clarets waqqfu sensiela ta’ seba’ telfiet meta skorjaw il-goal tad-draw fid-90 minuta kontra Bournemouth barra minn darhom meta temmew 1-1 fil-Vitality Stadium.
It-Toffeemen sfaw megħluba 1-0 minn Arsenal biex issa ħadu erba’ rebħiet u sofrew tliet telfiet mill-aħħar seba’ logħbiet.
Il-ġirien ta’ Everton, Liverpool, se jkunu f’Anfield biex jiltaqgħu kontra t- team tal-qiegħ, Wolves, li s-sitwazzjoni tagħhom hija waħda prekarja meta mis-17-il logħba li lagħbu ħadu żewġ draws biss u issa għamluhom 10 telfiet wara xulxin biex kollox qed jindika li fl-istaġun li ġej se jitilfu posthom fil-Premier League wara tmien snin.
Min-naħa taċ-champions huma għamluhom żewġ rebħiet konsekuttiv wara li qabel kienu ħadu rebħa u draw u tliet telfiet. Għal din il-logħba u għax-xahrejn li ġejjin huma se jkunu mingħajr l-attakkant Svediż, Alexander Isak, li kiser siequ tant li anke ġie operat.
West Ham u Fulham se jiltaqgħu fid-Derby ta’ Londra meta ġejjin minn riżultati kuntrastużi. Il-Hammers ilhom ma jirbħu sitt logħbiet li minnhom ħadu tliet draws waqt li l-Cot- tagers ħadu erba’ rebħiet u sofrew tliet telfiet.
Fl-ewwel logħba ta’ għada wara nofsinhar, Sunderland ikunu fli Stadium of Light biex jilqgħu lil Leeds United li għadhom kif għelbu lil Crystal Palace bl-iskor kbir ta’ 4-1 fosthom doppjetta minn Dominic Calvert-Lewin li fl-ewwel staġun magħhom diġá sab ix-xibka seba’ darbiet.
Il-Black Cats ġejjin minn żewġ rebħiet, tliet draws u żewġ telfiet li għalihom huwa altru minn sodisfaċenti.
Il-logħba li tagħlaq il- programm hija Derby oħra ta’ Londra bejn Crysral Palace u Tottenham b’tal-ewwel żgur li għadhom diżappuntati li tilfu l-kwarti-finali tal-League Cup kontra Arsenal.
Huma tilfu l-aħħar żewġ logħbiet u għalhekk iridu jżommu l-kuntatt mal-timijiet ta’ fuq.
Spurs ukoll ġejjin minn żewġ telfiet bl-aħħar waħda tkun dik kontra Liverpool f’darhom bl-iskor ta’ 2-1.
Minkejja li jinsabu fl-14-il post it-team ta’ Thomas Frank ma jidhirx li jinsab f’xi inkwiet biex ma jiġix relegat.

