Nhar it-Tnejn li għadda, Newcastle United ġew sfurzati jilagħbu fid-draw ta’ 1-1 kontra Manchester United minkejja diversi każijiet ta’ Covid-19 u players neqsin minħabba bosta injuries.
Peró minħabba li l-każijiet tal-Covid-19 komplew jikbru fil-kamp tagħhom, il-Magpies talbu biex il-partita ta’ nhar il-Ħamis kontra Everton tiġi kanċellata liema talba ġiet aċċettata.
Din hija s-16-il logħba tal-Premier li ġiet posposta f’dan l-istaġun minħabba kwistjonijiet tal-Covid-19 peress li l-varjant Omicron qed jikkawża kaos mal-pajjiż kollu.
“Il-partita ta’ Everton kontra Newcastle f’Goodison Park, li kellha tintlagħab fis-7.30 pm nhar il-Ħamis 30 ta’ Diċembru, sfortunatament ġiet posposta,” qalet stqarrija tal-Premier League.
“Il-bord aċċetta l-applikazzjoni ta’ posponiment ta’ Newcastle peress li l-club m’għandux in-numru meħtieġ ta’ players disponibbli għall-partita minħabba każijiet ta’ Covid-19 u injuries.
“Il-bord seta’ jieħu d-deċiżjoni tiegħu qabel il-partita biex tingħata ċarezza lill-clubs affettwati u lill-partitarji tagħhom. Niskużaw ruħna għall-inkonvenjent u t-tfixkil ikkawżat fil-pjani festivi tal-partitarji.”