Meta fil-ħames ġurnata tal-Premier League Ingliż, li se tkun mifruxa fuq tlett ijiem, m’hemmx logħba waħda bejn it-timijiet tal-Big Six, l-attenzjoni hija mixħuta fuq iċ-champions Manchester City u West Ham meta jmorru għand tal-aħħar meta t-tnejn qed jokkupaw post fl-ewwel erbgħa tal-klassifika.
Il-Hammers se jkunu fil-London Stadium meta jinsabu żewġ punti taħt is-City meta huma fost sitt timijiet li għadhom bla telfa. Is-City ġejjin minn ftuħ mill-aqwa ta’ erba’ rebħiet waqt li t-team ta’ David Moyes beda bi draw iżda rebaħ t-tliet logħbiet ta’ wara.
Għalhekk meta West Ham għandhom il-vantaġġ tal-ground mhux kemm wieħed iwarrabhom li forsi anke jieħdu punt minkejja li fis-sajf tilfu lil Declan Rice.
Huma jridu jagħtu attenzjoni kontinwa lill-attakkant Norveġiż, Erling Haaland, meta jidher li se jkompli jsib ix-xibka avversarja tant li ma l-iċken ċans jikkastiga lid-difiżi avversarji.
Wieħed mill-erba’ timijiet li jinsabu żewġ punti wara Manchester City huwa dak ta’ Liverpool li se jkunu nvoluti fl-ewwel logħba tal-lum. Huma se jmorru f’Molineux biex jiffaċċjaw lil Wolves li għandhom tliet punti biss x’juru għalkemm setgħu rebħu xi punti mit-telfiet away kontra Manchester United u Crystal Palace.
Liverpool se jkollhom nieqes lill-captain Virgil van Dijk li qed jiskontra sospensjoni ta’ żewġ logħbiet minbarra xi players oħra li jinsabu mweġġa’ bħad-difensur Trent Alexander-Arnold.
Min-naħa ta’ Wolves, il-manager Gary O’Neil jista’ jintroduċi xi players li kiseb fl-aħħar jiem tas-suq tat-trasferimenti.
Tottenham, li minkejja li biegħu lill-attakkant stilla, Harry Kane, lil Bayern Munich, bdew fuq nota pożittiva meta s’issa ħadu tliet rebħiet u draw. Huma se jilqgħu lill-promossi Sheffield United li ġejjin mill-uniku logħba tagħhom li ntemmet fi draw.
Arsenal, li huma t-team l-ieħor li beda b’10 punti, ikunu fl-azzjoni għada meta jiltaqgħu kontra Everton f’Goodison Park bit-Toffees qed ikomplu fuq l-istaġun l-ieħor tant li qed jokkupaw it-tielet post mill-aħħar.
Min-naħa tal-Gunners, huma ġejjin mir-rebħa 3-1 kontra Manchester United bl-aħħar żewġ goals jaslu fil-ħin miżjud. S’issa huma m’għamlux affarijiet kbar iżda li qegħdin hemm fuq huwa sinjal tajjeb għall-kumplament tal-istaġun.
Logħba li dan l-aħħar qed tkun diffiċli biex wieħed ibassarha hija dik bejn Manchester United u Brighton li se jiltaqgħu f’Old Trafford.
Il-United għadhom ma qabdux ir-ritmu tas-soltu tant li jinsabu fil-11-il post b’sitt punti bis-Seagulls għandhom tliet punti iktar u jinsabu s-sitta. Brighton bdew l-istaġun tajjeb meta kisbu tliet rebħiet u sofrew telfa.
Il-manager Erik ten Hag għandu xi problemi mal-winger Jadon Sancho waqt lil-Brażiljan, Anthony, se jibqa’ f’pajjiżu biex isolvi problemi personali.
Logħba li għandha tkun bilanċjata hija dik f’Villa Park bejn Aston Villa u Crystal Palace b’dawn jibdew b’żewġ rebħiet u draw u l-Villa b’żewġ rebħiet. Bla dubju l-vantaġġ tal-ground għandu jgħin lit-team ta’ Unai Emery.
Fulham, li kisbu erba’ punti se jilqgħu lit-team promoss, Luton Town, li għadhom ma kisbu l-ebda punt meta reġgħu jinsabu fl-ogħla livell wara 31 sena.
Il-Cottagers tilfu lill-attakkant Serb, Alexandar Mitrovic, li kien skorer prolifiku tant li qed isibuha diffiċli biex jiskorjaw waqt li d-difiża hija waħda suspettużu meta ċediet 10 goals.
Newcastle se jkollhom prova diffiċli meta se jkunu f’St James Park kontra Brentford li qed iżommu tajjeb fit-tielet staġun mal-kbar. Il-Magpies iridu l-punti biex jerġgħu jkunu ma’ ta’ fuq.
Chelsea, li bdew b’rebħa u draw, imorru għand Bournemouth li kisbu żewġ punti biss. Il-logħba tidher delikata għall-Blues minħabba li ċ-Cherries jafu jagħtu logħba diffiċli meta jkunu f’darhom.
Il-programm jintemm nhar it-Tnejn bil-logħba fis-City Ground bejn Nottingham Forest u Burnley, tal- ewwel b’sitt punti fid-disa’ post u l-Clarets fil-qiegħ tal- klassifika bla ebda punt.