Sunday, November 24, 2024

Premier Ingliż: Jispikka d-derby ta’ Londra bejn Arensal u Tottenham

Aqra wkoll

Id-derby tat-Tramuntana ta’ Londra bejn Arsenal u Tottenham li se tintlagħab fl-Emirates Stadium għada wara nofsinhar ma setgħetx tiġi fi żmien iktar propizju. Dan minħabba li wara ħames logħbiet tal-Premier League Ingliż huma għandhom rekord identiku.

It-tnejn għandhom 13-il punt, tnejn inqas mil-leaders, Manchester City, rebħu erbgħa u ġew draw darba u s’intendi għadhom bla telfa. Li hemm favur Spurs huma l-goals, 13-5, waqt li tal- Gunners huma 9-4.

Bis-City b’partita li ka­paċi jirbħu kontra Nottingham Forest, rebħa tkun importanti għal min jiksibha biex iżomm kuntatt mill-viċin maċ-champions.

Arsenal ġejjin minn reb­ħa enfatika ta’ 4-0 fiċ-Champions League kontra PSV Eindhoven waqt li Spurs setgħu jippreparaw bil- kumditá meta huma barra mill-Ewropa.

Liverpool se jilqgħu lil West Ham f’logħba li tidher diffiċli meta ż-żewġ timijiet ġejjin minn riżultat pożittiv ta’ 3-1 fl-Ewropa League wara li t-tnejn bdew goal minn taħt.

Jurgen Klopp inkluda bosta players żgħażagħ kontra l-Awstrijaċi LASK meta kienu qed jilagħbu barra minn darhom iżda dawru r-riżultat fit-tieni taqsima waqt li l-Hammers bħalhom ħallew players re­golari barra u għamlu bħalhom meta laqgħu lis-Serbi, Backa Topola.

Bħalissa r-Reds jinsabu tliet punti fuq West Ham wara li l-ġimgħa l-oħra tilfu l-ewwel logħba kontra s-City li t-Tlieta għelbu għal kollox lil Red Star Belgrad. 

Il-ġirien tas-City, Manchester United, xejn ma kellhom bidu tajjeb meta rebħu żewġ logħbiet u sofrew tliet telfiet u kull ma għandhom huma sitt punti.

Huma se jmorru f’Turf Moor fl-aħħar logħba ta’ tard illum biex jiltaqgħu mal-promossi Burnley li kull m’għandhom x’juru huwa punt li kisbu t-Tnejn li għadda kontra Nottingham Forest.

Il-United ġejjin minn   tliet telfiet, tnejn fil-kampjonat u l-oħra fiċ-Cham­pions League kontra Bayern Munich li dawn rebħu 4-3.

Chelsea se jilqgħu lil Aston Villa fi Stamford Bridge meta dawn qed igawdu erba’ punti fuqhom bil-Blues għadhom ma qabdux art dan l-istaġun.

Min-naħa tagħhom il-Villans kisbu tliet rebħiet iżda ma bdewx tajjeb fil-Confe­rence League meta tilfu 3-2 kontra Legia Warsaw tal- Polonja. Difett li għandhom fil-kampjonat huwa li l-attakk jiskorja (11) iżda d-difiża ssofri l-goals ukoll (10).

F’Selhurst Park issir derby oħra ta’ Londra li fiha Crystal Palace jilqgħu lil Fulham f’logħba li tal-ew­wel se jilqgħu lura lill-manager Roy Hodgson wara li l-ġimgħa l-oħra kien ma jiflaħx. Ftit li xejn hemm differenza bejniethom meta t- tnejn għandhom seba’ punti minn żewġ rebħiet u draw.

Il-promossi Luton Town li għadhom l-uniku team bla punt, ikunu f’darhom, Kenilworth Road, kontra Wolves li ġejjin minn wirja sodisfaċenti li b’iktar attenzjoni anke setgħu ħadu xi ħaġa mit-telfa f’darhom kontra Liverpool.

Brentford, li tilfu logħba waħda, jilqgħu lil Everton li għandhom punt wieħed u jinsabu t-tielet mill-aħħar fejn hawnhekk it-team ta’ Thomas Frank jidher iktar azzettat biex jikseb tliet punti oħra li jkomplu jbegħ­duhom min-naħa t’isfel.

Brighton, li ġejjin minn telfa 3-2 kontra AEK Athens fid-debutt tagħhom fl-Ewropa, ikunu nvoluti fil-logħba tal-kosta tan-nofsinhar kontra Bournemouth. Iżda wieħed irid jara kif se teffettwahom il-logħba diffiċli ta’ kontra l-Griegi.

Il-logħba li tgħaqqad il-programm hija bejn Sheffield United u Newcastle fejn anke dawn kienu fiċ-Champions League u marru lura bi draw kredi­tabbli kontra Milan. Il-qawwa tagħhom għandha tkun wisq għall-Blades.

Sport