It-taqtiegħa għar-rebħ tal- Premier League Ingliż tkompli fi tmiem din il-ġimgħa hekk kif Arsenal u Manchester City stabbilew livell għall-kumplament tal-istaġun.
Il-Gunners jidħlu fi tmiem il-ġimgħa b’vantaġġ ta’ ħames punti fuq is-City grazzi għar-rebħa kbira ta’ 4-0 kontra Everton nhar l-Erbgħa. Din il-partita tpoġġi lil Arsenal u lil Sky Blues f’livell ugwali f’termini ta’ logħbiet milgħuba, u għalhekk m’hemmx aktar bżonn ta’ matematika żejda meta tiġi valutata t-taqtiegħa għat-titlu.
Eżatt wara ż-żewġ protagonisti msemmija hemm Manchester United, li lagħbu logħba inqas minnhom u jinsabu sitt punti taħt ir-rivali lokali tagħhom.
Ir-Red Devils jinsabu fuq sisien sodi għal post fil-UEFA Champions League u se jkomplu jittamaw li l-ewwel tnejn jiżolqu u jiftħu l-bieb għat-tielet team biex jingħaqad fit-taqtiegħa għat-titlu.
Ta’ min jgħid li s-City u Arsenal għad iridu jiltaqgħu t-tieni logħba bejniethom li għandha ssir fl-Etihad Stadium fis-26 ta’ April, u din tista’ tiffavorixxi lill-United jekk tintemm fi draw.
Illum il-Gunners se jerġgħu jkunu f’darhom biex jilqgħu lil Bournemouth li jinsabu fil-post ta’ qabel tal-aħħar. Wara draw u żewġ telfiet it-team ta’ Mikel Arteta se jidħol fil-logħba bi tliet rebħiet konsekuttivi waqt li ċ-Cherries kisbu rebħa u żewġ draws mill-aħħar sitt logħbiet.
Min-naħa tagħhom is-City se jiftħu l-programm tal-lum meta jkunu f’darhom kontra Newcastle li ġejjin mid-diżappunt tat-telfa fil-finali tal-League Cup fejn il-Ħadd li għadda tilfu 2-0 kontra Manchester United.
Dawn tal-aħħar se jkunu fl-azzjoni għada meta jmorru f’Anfield biex jiltaqgħu kontra Liverpool, friski mir-rebħa 2-0 kontra Wolves wara bosta wirjiet indifferenti tant li mill-ewwel dehru determinati li ma jfallux f’din il-logħba għalkemm skorjaw iż-żewġ goals fi spazju ta’ erba’ minuti fl-aħħar 20 minuta.
Għalkemm mhux fl-istess ordni ż-żewġ timijiet kisbu tliet rebħiet, żewġ draws u telfa b’Liverpool issa jinsabu fis-sitt post, sitt punti inqas minn Tottenham, li jinsabu r-raba’, meta anke lagħbu logħba inqas minnhom.
Bħalissa Spurs jinsabu taħt l-assistent manager Christian Stellini fl-assenza ta’ Antonio Conte li qed jirkupra minn operazzjoni tal-marrara. Huma ħadu vantaġġ mill-waqgħa riċenti ta’ Newcastle biex reġgħu telgħu fil-postijiet taċ-Champions League. Spurs sabu ftit aktar konsistenza fl-aħħar ħarġiet, u se jkollhom bżonn ikomplu jagħmlu hekk jekk iridu jwarrbu lill-Magpies għal dak l-għażiż raba’ post li jħalli qligħ kbir.
Spurs se jmorru għand Wolves li ġejjin mid-diżappunt tat-telfa kontra Liverpool li jfisser li jkollhom jagħmlu sforz iktar qawwi biex jitbegħdu miż-żona tar-relegazzjoni.
Chelsea se jkunu fi Stamford Bridge kontra Leeds United li jinsabu jokkupaw ir-raba’ post mill-aħħar. Il-Blues xejn m’huma għaddejjin tajjeb meta ġejjin minn rebħa, tliet draws u żewġ telfiet wara xulxin, waqt li l-Peacocks ħadu rebħa fl-aħħar logħba u qabel sofrew tliet telfiet u ġew żewġ draws.
Logħba bejn żewġ timijiet f’nofs il-klassifika tara lil Aston Villa jilqgħu lil Crystal Palace f’Villa Park b’dawn ma jirbħux logħba mill-aħħar sitta u l-Villa rebħu tlieta u tilfu tlieta.
Brighton, li wara li tilfu lill-manager Graham Potter li ngħaqad ma’ Chelsea, baqgħu jiksbu riżultati tajbin, kuntrarju għall-avversarji tagħhom West Ham li jinsabu fis-16-il post żewġ punti fuq iż-żona l-ħamra.
Żewġ logħbiet oħra huma sfidi bejn timijiet fin-naħa t’isfel tal-klassifika, Southampton kontra Leicester City u Nottm Forest kontra Everton. Kemm dawn kif ukoll il-Forest ġejjin minn telfiet ta’ 4-0.
Is-Saints jinsabu fl-aħħar post sitt punti wara l-Foxes, kumbinazzjoni żewġ timijiet li fost il-ġimgħa sfaw eliminati mill-FA Cup minn avversarji minn diviżjonijiet inferjuri,
Southampton tilfu kontra Grimsby Town ta’ League One u Leicester kontra Blackburn Rovers taċ-Championship meta t-tnejn kienu qed jilagħbu f’darhom.
L-aħħar logħba se tintlagħab nhar it-Tnejn fejn Brentford u Fulham ikunu nvoluti f’derby ta’ Londra meta t-tnejn qed jokkupaw post għoli fil-klassifika.