Sunday, November 24, 2024

Premier Ingliż: L-attenzjoni f’Anfield u fi Stamford Bridge

Aqra wkoll

Il-ġirien ta’ Londra, Tottenham Hotspur u Arsenal, li qed jokkupaw l-ew­wel u t-tieni postijiet fil-Premier League se jkunu nvoluti f’żewġ derbies tal-kapitali kontra Fulham fit-Tottenham Stadium u kontra Chelsea fi Stamford Bridge rispettivament. 

Iżda l-programm għandu iktar x’joħroġ mill-komma meta kmieni llum wara nofsinhar issir id-Derby ta’ Merseyside bejn Liverpool u Everton f’Anfield.

Chelsea, li ġejjin minn żewġ rebħiet wara tliet riżultati negattivi, bħalissa jinsabu fil-11-il post bi 11-il punt bir-ritorn medju ta’ punt kull logħba xejn m’huwa tajjeb għalihom u jekk jibqgħu sejrin hekk se jerġ­għu jibqgħu barra mill-Ew­ro­pa.

Min-naħa ta’ Arsenal huma ġejjin mir-rebħa 1-0 f’darhom kontra Manchester City b’goal fl-aħħar ħinijiet ta’ Gabriel Martinelli għalkemm wieħed ma jifhimhiex għaliex ma ngħatax bħala auto-goal meta l-ballun qarraq għal kollox bil- goalkeeper Ederson.

It-team ta’ Jurgen Klopp reġa’ ingħata l-ħin skomdu tas-1.30 ta’ wara nofsinnhar wara l-waqfa internazzjonali meta fin-nofs hemm ir-rivalitá ostili kontra t-Toffeemen.

Klopp kellu biċċa xogħol biex jara kif waslulu lura s-16-il player fuq dmijijiet internazzjonali speċjalment dawk li jkunu ġejjin mill- Amerika t’Isfel.

Ir-Reds jinsabu r-raba’ bi 17-il punt waqt li Everton għandhom seba’ punti u jinsabu fis-16-il post.

Iċ-champions Manchester City ġejjin minn żewġ telfiet barra minn darhom kontra Wolves u Arsenal u għalhekk iridu joqogħdu attenti għax madwarhom hemm timijiet li dan l- istaġun huma armati tajjeb bħal Aston Villa, Brighton, West Ham u Newcastle.

Illum huma se jkunu fl-Etihad biex jilqgħu lil Brighton li se jkunu daqs­- x­ejn imxellfin meta ġejjin minn telfa u draw iżda xorta mhux ta’ min jafdahom.

Bournemouth se jkunu fil-Vitality Stadum kontra Wolves li se jkollhom lill- manager Gary O’Neill fuq il-bankina wara li fl-istaġun li għadda rnexxielu jsalva liċ-Cherries biex fis-sajf ħadu lill-Ispanjol ftit li xejn magħruf, Andoni Iraola.

Wolves ġejjin minn reb­ħa u żewġ draws u jinsabu fis-16-il post ħames punti aħjar minn Bournemouth li sofrew tliet telfiet fl-aħħar tliet logħbiet u jinsabu qabel tal-aħħar bi tliet punti minn daqstant draws. 

Logħba oħra bejn timijiet min-naħa t’isfel tal-klassifika tara lil Brentford jilqgħu lil Burnley meta l-Bees mhux qed ikollhom staġun tajjeb daqs dak ta’ qablu tant li qed igawdu tliet punti biss iktar mill-Clarets.

Bejniethom iż-żewġ timijiet ħadu żewġ rebħiet u ħames draws waqt li d-disgħa l-oħra kienu telfiet. Ċertament li ż-żewġ timijiet ma jinsabux fil-forma.

Newcastle jista’ jkollhom fit-team għall-aħħar darba dan l-istaġun lill-midfielder Taljan, Sandro Tonali, meta l-ġimgħa d-dieħla mistenni jiġi sospiż għal madwar sena mill-FIGC għas-sehem tiegħu fl-iskandlu tal-imħatri llegali tas-Serie A.

Huma se jkun f’St James Park kontra Crystal Palace li għandhom lil Ezekiel Eze barra għal bosta xhur għax jinsab imweġġa’ u bħalissa qed igawdu punt biss fuq l-Eagles.

Nottingham Forest u Luton Town se jiffaċċjaw lil xulxin fis-City Ground meta tal-ewwel qed igawdu ħa­mes punti vantaġġ fuq il-Hatters li ġejjin minn żewġ rebħiet u tliet draws b’Luton għadhom kisbu reb­ħa u draw biss.

L-aħħar logħba tal-lum filgħaxija tara lit-team tal-qiegħ, Sheffield United, li għandu punt biss x’juri, li se jkunu fi Bramall Lane biex jospitaw lil Manchester United li t-tmien logħ­biet tagħhom qasmuhom f’erba’ rebħiet u erba’ telfiet li żgur mhux dak li huwa mistenni minnhom.

Min-naħa tal-Blades, li rritornaw mal-kbar dan l- istaġun, iridu joqogħdu attenti għax jekk jinqatgħu minn dawk ta’ fuqhom ikun diffiċli għalihom biex jir­kupraw bil-konsegwenza li jkollhom imorru lura fiċ- Championship mal-ewwel okkażjoni.

Fl-unika logħba ta’ għada se jiltaqgħu żewġ timijiet li jilbsu l-istess kulur, dak Ma­roon, Aston Villa u West Ham, li qed ikollhom staġun tajjeb tant li jinsabu mifrudin b’żewġ punti biss favur il-Villans.

L-aħħar logħba ta’ tmiem il-ġimgħa se tara lil Tottenham jilqgħu lil Fulham meta ħadd ma stenna li wara li tilfu lill-attakkant straordinarju, Harry Kane, li ngħaqad ma’ Bayern Munich, se jkunu jokkupaw l-ewwel post tal-klassifika.

L-avversarji tagħhom jin­sabu f’nofs il-klassifika, bejn wieħed u ieħor bħal ma kienu fl-istaġun li għadda dejjem taħt il-gwida tal-manager Portugiż, Marco Silva.

Sport