Mill-Ġimgħa sa għada l-Ħadd qed tintlagħab is-25 ġurnata tal-Premier League Ingliż li jfisser li għat-tmiem fadal 13-il logħba oħra għal kull team. Għal darb’oħra l-logħba l-aktar mistennija se terġa’ tkun dik ta’ għada fl-Etihad Stadium li fiha ċ-champions Manchester City se jiltaqgħu mal-leaders preżenti u favoriti li jirbħu t-titlu, Liverpool.
Nhar l-Erbgħa li għadda ż-żewġ timijiet kienu fl-azzjoni, is-City fil-play-off taċ-Champions League u r-Reds fil-logħba antiċipata tal-kampjonat kontra Aston Villa minħabba li l-finali tal-League Cup kienet se taħbat mal-logħba msemmija.
Wara l-logħba mal-Villa li ntemmet fi draw ta’ 2-2, Liverpool issa qed igawdu tmien punti vantaġġ fuq Arsenal b’dawn s’intendi issa lagħbu logħba inqas minnhom.
It-team ta’ Unai Emery ta logħba diffiċli lit-team ta’ Arne Slot li kellu jikkuntenta bi draw ta’ 2-2 għalkemm it-tliet punti setgħu marru kull naħa meta l-konfront kien wieħed ferm missielet.
Is-City xejn ma kellhom logħba tajba kontra Real Madrid li għelbuhom għat-tieni darba u ħarġu rebbieħa bl-aggregate ta’ 6-3 – ċertament mhux skor li t-team li ddomina l-Premier League għal dawn l-aħħar 10 snin jiġi eliminat bih.
It-team fit-tieni post, Arsenal, se jkun impenjati fid-Derby ta’ Londra kontra West Ham li b’10 punti vantaġġ fuq Leicester u Ipswich ma jidhrux li jinsabu f’periklu gravi tar-relegazzjoni.
Il-Gunners ġejjin minn erba’ rebħiet u żewġ draws mill-aħħar sitt logħbiet tagħhom waqt li l-Hammers għandhom rekord inferjuri minnhom b’rebħa, draw u erba’ telfiet.
It-team ta’ Mikel Arteta se jkollu lill-attakkant Kai Havertz barra għax imweġġa’ tant li se jitlef il-kumplament tal-istaġun minbarra li diġa’ għandhom lil Bukayo Saka u Gabriel Jesus barra għal żmien twil ukoll.
Newcastle u Nottm Forest, li jinsabu mifrudin b’seba’ punti favur dawn tal-aħħar, se jiltaqgħu f’St James Park f’logħba oħra ferm mistennija rigward il-postijiet fiċ- Champions League.
Il-Forest jinsabu fit-tielet post sitt punti wara Arsenal iżda nistgħu ngħidu li huma maqtugħin għal kollox mit-taqtiegħa għar-rebħ tat-titlu meta jinsabu 14-il punt wara Liverpool.
Wara sensiela ferm pożittiva, f’dawn l-aħħar sitt logħbiet it-team ta’ Nuno Espirito Santo rebaħ tlieta, ġie draw waħda, u tilef tnejn u jridu joqogħdu attenti meta erba’ punti biss qed jifirduhom mit-tliet timijiet ta’ warajhom.
Min-naħa tal-Magpies, huma ġejjin minn telfa kbira 4-0 kontra Man City meta kien mistenni aħjar minnhom u mill-attakkant Svediż, Alexander Isak.
Everton, li bdew l-istaġun jissieltu kontra t-relegazzjoni, issa jidhru li huma kważi ħielsa minn kull inkwiet meta qed igawdu vantaġġ ta’ 13-il punt fuq it-tielet team mill-aħħar.
Meta mill-aħħar ħames logħbiet ħadu erba’ rebħiet u draw dan huwa ċar li ħallew l-inkwiet li jistgħu jitilfu posthom mal-kbar warajhom.
Huma se jilqgħu lil Manchester United f’Goodison Park u rebħa tarahom jkomplu jgħoddsu lill-avversarji tagħhom lejn l-agħar pożizjoni mindu kienu ġew relegati fit-Tieni Diviżjoni fl-1973-74.
Ir-Red Devils iridu jirbħu l-punti jekk ma jridux jiġu mkaxkra ‘l isfel f’pożizzjoni ferm stramba għalihom wara dak li kisbu fit-tmexxija taħt Sir Alex Ferguson.
Logħba bejn ta’ fuq u ta’ taħt hija dik li se ssir fil-Vitality Stadium li fiha Bournemouth se jilqgħu lil Wolves ġimgħa qabel ma jerġgħu jiltaqgħu magħhom fl-istess ground fil-ħames round tal-FA Cup.
Iċ-Cherries ġejjin mir-rebħa 3-1 kontra Southampton barra minn darhom waqt li Wolves kienu nvoluti fil-konfront kontra Liverpool li dawn rebħu 2-1 iżda l-unuri tal-logħba li kien fiha bosta inċidenti kontroversjali marru għand Wolves, wieħed minnhom ikun li mill-2003 din kienet l-ewwel darba li r-Reds ma tawx xutt fil-lasti fit-tieni taqsima.
Derby oħra ta’ Londra tara lil Fulham jilqgħu lil Crystal Palace fi Craven Cottage meta t-tnejn jinsabu trankwilli fil-klassifika, bil-Cottagers għandhom moħħhom mistrieħ minn kull inkwiet tar-relegazzjoni meta jinsabu fit-tmien post u l-Eagles bi 13-il punt aħjar minn Leicester li jinsabu t-tielet mill-aħħar.
Team ieħor fl-inkwiet tar- relegazzjoni huwa dak ta’ Ipswich Town li se jilqgħu lil Tottenham f’Portman Road b’dawn qed jiksbu riżultati mħallta tant li ma tafx fejn inti magħhom.
It-Tractor Boys ħadu żewġ draws mill-aħħar sitt logħbiet waqt li Spurs ħadu żewġ rebħiet.
Logħba bejn timijiet minn nofsinhar tal-pajjiż se ssir f’St Mary’s Stadium li fiha Southampton se jospitaw lil Brighton li dan l-aħħar reġgħu qabu r-ritmu meta għelbu lil Chelsea darbtejn, l-ewwel konfront kien fl-FA Cup u t-tieni fil-kampjonat biex tawhom skoss lura fl-ambizzjonijiet tagħhom li fl-istaġun li ġej ikunu fiċ- Champions League.
Is-Saints jidhru rassenjati li jirritornaw fiċ-Championship wara staġun biss u issa se jitħabtu biex jissuperaw ir-rekord ta’ Derby County li fl-2007/08 kienu sfaw relegati bi 11-il punt.
Il-logħba tal-lejla se tintlagħab f’Villa Park fejn Aston Villa se jkunu qed jospitaw lil Chelsea meta t-tnejn se jippruvaw għal post fiċ-Champions League.
Għal dan il-għan il-Blues jinsabu punt biss wara Manchester City fir-raba’ post waqt li l-Villa jinsabu erba’ punti lura minn li Sky Blues.