Sunday, November 24, 2024

Premier Ingliż: L-attenzjoni f’Old Trafford bejn Man Utd u Liverpool

Aqra wkoll

Meta fi tmiem din il-ġimgħa se tintlagħab it-tielet ġurnata tal-Premier League Ingliż l-attenzjoni se tkun mixħuta fuq il-logħba ta’ għada bejn Manchester United u Liverpool li se ssir f’Old Trafford.

Liverpool huma wieħed minn erba’ timijiet li għandhom punti massimi bl-oħrajn ikunu Manchester City, Brighton u Arsenal waqt li l-United, Aston Villa, Newcastle u Brentford ma żammewx il-pass magħhom.

Wara r-rebħa kontra Fulham fl-ewwel ħarġa l-United żelqu kontra Brighton waqt li r-Reds kisbu t-tieni reb­ħa bl-istess riżultat ta’ 2-0. Wara li lbieraħ għalaq is-suq tat-trasferimenti issa rridu na­raw kif se jkunu ffurmati t-timijiet b’Liverpool jissaħ­ħu bit-Taljan, Federico Chiesa, waqt li l-United xtraw iktar players bħal Jos­hua Zir­kzee, Leny Yoro, Matthijs de Ligt, Noussair Mazraoui u Manuel Ugarte,  għalkemm irridu naraw kemm minnhom se juża l-manager, Erik ten Hag, għada.

Arsenal se jkunu f’darhom kontra Brighton li bdew l-istaġun tajjeb taħt il-ma­nager żagħżugħ Ġermaniż, Fabian Hurzeler. Huma bdew b’żewġ rebħiet li jarawhom jitħalltu mat-timijiet elite u b’hekk juru li bil-għaqal li huwa mmexxi l-club kapaċi jagħtu battikati lil kwalun­kwe team.

Min-naħa tagħhom il- Gunners għamluhom żewġ rebħiet ta’ 2-0 meta għelbu lil Aston Villa barra minn darhom meta dawn tal-aħħar issa donnhom daħlu fl-għalqa tat-Top Six.

Il-Villa se jmorru fil-King Power Stadium biex jiltaq­għu kontra l-promossi Lei­cester City b’dawn għadhom ħadu punt biss u għalhekk iridu joqogħdu attenti li ma jinqabdux fiż-żona l-ħamra daqstant kmieni fl-istaġun.

Iċ-champions Manchester City se jżuru l-London Sta­dium biex jiltaqgħu kontra West Ham United meta s’issa wrew il-konsistenza rinomata magħhom bl-attakkant Erling Haaland ikun l-ispiraz­zjoni hekk kif għadu jaf sew fejn hija x-xibka.

Infatti minkejja li kontra Ipswich sofrew goal bikri huma ma sabuhiex diffiċli biex idawru telfa f’rebħa. Huma reġgħu ssaħħew billi ħadu lura lill-midfielder Ġermaniż, Ilkay Gundogun, li ħalla lil Barcelona wara sta­ġun.

Żewġ timijiet b’erba’ punti kull wieħed, Newcastle u Tottenham, li jinsabu fil-ħames u fis-sitt postijiet, se jħabbtuha kontra xulxin f’St James Park waqt li Chelsea, li ġejjin mix-‘xalata’ ta’ 6-2 kontra Wolves, se jkunu nvoluti fid-derby ta’ Londra kontra Crystal Palace li għad iridu jingranaw meta s’issa ma kisbu l-ebda punt.

Timijiet oħra fl-istess sitwazzjpni tal-Palace huma Southampton, Ipswich, Wol­ves u Everton

Sport