Fil-Premier League, Liverpool fetħu vantaġġ ta’ disa’ punti fil-quċċata tal-klassifika meta b’wirja dominanti għelbu lil Manchester City bl-iskor ta’ 2-0 liema rebħa setgħet kienet ferm akbar.
Din it-telfa ħalliet lis-City fil-ħames post tal-klassifika hekk kif jidher li l-monopolju ta’ Pep Guardiola qed jiġi fi tmiemu, tant, li wara l-partita beda juri n-numru sitta bis-swaba’ li jfisser li rebaħ sitt darbiet il-kampjonat … turija ta’ inferjoritá psikoloġika u li ma għadux juri l-ebda awtoritá.
Aktar minn hekk, matul id-90 minuta, il-players tiegħu ma indirizzawx xutt lejn il-lasti avversarji.
Virgil van Dijk u Mohamed Salah setgħu faċilment żiedu l-iskor meta bejniethom fallew tliet ċansijiet faċli, bid-difensur jiġi mċaħħad mil-lasta.
Peró Salah irdoppja għal Liverpool permezz ta’ penalty fit-78 minuta wara li Cody Gakpo (12) fetaħ l-iskor mill-assist tal-istess attakkant Eġizzjan.
Chelsea v Aston Villa – Chelsea laqgħu lil Aston Villa u rebħulhom bl-iskor ta’ 3-0 biex baqgħu jżommu l-pass fit-tentattiv li jispiċċaw mal-ewwel erbgħa. Min-naħa tal-Villans, issa ilhom sitt partiti ma jirbħu biex qed tikber il-pressjoni fuq il-manager Unai Emery. It-tliet goals tal-Pensioners ġew skorjati minn Nicolas Jackson (7), Enzo Fernandez (36) u Cole Palmer (86).
Man Utd v Everton – Manchester United kisbu l-ewwel rebħa fil-kampjonat taħt il-gwida tal-manager il-ġdid, Ruben Amorim, meta ssuperaw lil Everton bl-iskor ta’ 4-0, fejn Marcus Rashford (34, 46) u Joshua Zirkzee (41, 64) skorjaw doppjetta kull wieħed.
Tottenham v Fulham – Tottenham Hotspur fallew żewġ punti importanti meta f’darhom ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Fulham. Brennan Johnson (54) fetaħ l-iskor għal Spurs filwaqt li Tom Cairney (67) kiseb id-draw għal Fulham … biex imbagħad fit-83 minuta tkeċċa għat-tieni karti safra.