Fil-Premier League Ingliż, Liverpool għamlu pass ieħor fi triqithom lejn ir-rebħ tat-titlu meta marru għand Bournemouth u għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0. B’din r-rebħa, issa r-Reds fetħu vantaġġ ta’ disa’ punti fil-quċċata.
Bournemouth v Liverpool – Konxji mill-fatt li Bournemouth kienu ilhom ma jitilfu għal dawn l-aħħar 11-il partita, Liverpool adattaw pjan tattiku biex jamministraw il-partita li, kollox ma’ kollox, irnexxielhom.
Iż-żewġ goals waslu mis-soltu attakkant Eġizzjan Mohamed Salah (30 pen, 75). Iżda ċ-Cherries setgħu kisbu d-draw fil-71 minuta iżda b’mod inkredibbli, Justin Kluivert, minn taħt il-lasti għamel l-impossibbli u falla l-mira.
Nottm F. v Brighton – Nottingham Forest irritornaw għar-rebħ meta ospitaw lil Brighton u kienu fi klassi għalhom biex ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 7-0 wara li ġimgħa ilu sofrew telfa ta’ 5-0 kontra Bournemouth.
Il-protagonista ta’ din ir-rebħa kien Chris Wood (32, 64 70 pen) li skorja hat-trick. L-erba’ goals l-oħra waslu minn auto-goal ta’ Lewis Dunk (12), Morgan Gibbs-White (25), Neco Williams (89) u Jota Silva (91).
Everton v Leicester – Everton kisbu rebħa mill-aktar importanti meta għelbu lil Leicester City bl-iskor ta’ 4-0 biex dawn tal-aħħar niżlu fiż-żona tar-relegazzjoni.
L-iskorers tat-Toffeemen kienu Abdoulaye Doucoure (1), Beto (6, 45) u Iliman Ndiaye (92).
Ipswich v Southampton – Ipswich f’darhom ġew sorpriżi mit-team tal-qiegħ tal-klassifika, Southampton, bl-iskor ta’ 2-1, biex anke huma jinsabu fiż-żona l-ħamra.
Il-goals tas-Saints waslu minn Joe Aribo (21) u Paul Onuachu (87) filwaqt li Liam Delap (31) kiseb id-draw temporanju għat-Tractor Boys.
Newcastle v Fulham – Newcastle ħadu skoss qawwi fit-tentattiv li jkomplu jisfidaw għal post fil-UEFA Champions League meta f’darhom ġew megħluba minn Fulham bl-iskor ta’ 2-1, bil-goals jaslu minn Raul Jimenez (61) u Rodrigo Muniz (82) wara li Jacob Murphy (37) fetaħ l-iskor għat-team ospitu.
Wolves v Aston Villa – Wolves kisbu rebħa meritata ta’ 2-0 fuq Aston Villa biex inqalgħu miż-żona tar-relegazzjoni. Iż-żewġ skorers kienu Jean-Ricner Bellegarde (12) u Matheus Cunha (96).