Fl-24 programm tal-Premier League Ingliż li se jintlagħab fi tmiem din il-ġimgħa l-ebda logħba m’għandha influwenza diretta kemm fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika kif ukoll fin-naħa t’isfel, bl-iktar waħda interessati hija dik li fiha ċ-champions Liverpool se jilqgħu lil Newcastle United f’Anfield tard il-lum.
Iż-żewġ timijiet jinsabu mifrudin bi tliet punti meta jinsabu jokkupaw is-sitta u d-disa’ postijiet rispettivament u f’nofs il-ġimgħa kienu nvoluti fl-aħħar ġurnata tal-Fażi tal-Kampjonat tal-UEFA Champions League.
L-interess li għandhom it-tnejn huwa li jiksbu post fil-kompetizzjoni msemmja fl-istaġun li ġej. Ir-Reds kellhom rebħa faċli ta’ 6-0 fuq Qarabag ta’ Azerbaijan u l-Magpies kisbu draw utli kontra r-rebbieħa renjanti tat-tazza, Paris St-Germain.
Fl-aħħar sitt logħbiet tal- kampjonat huma Newcastle li marru l-aħjar mit- tnejn meta kisbu tliet rebħiet u draw waqt li Liverpool ħadu rebħa u erba’ draws u għadhom ġejjin minn telfa sofferta ta’ 3-2 fl-aħħar tallogħba kontra Bournemouth.
Il-leaders tal-klassifika, Arsenal, nhar l-Erbgħa kisbu t-tmien rebħa fiċ-Champions League meta għelbu lil Kairat Amaty tal-Kazakhstan 3-2 biex żammew ir-rekord ta’100%.
Il-Gunners qed igawdu erba’ punti vantaġġ fuq Manchester City u Aston Villa u għalhekk iridu joqogħdu attenti meta jmorru f’Elland Road biex jiltaqgħu ma’ Leeds United meta dawn għadhom fl-inkwiet tar-relegazzjoni.
Huma ġejjin minn draw 1-1 għand Everton waqt li Arsenal marru agħar minnhom meta tilfu 3-2 f’darhom kontra Manchester United.
Brighton se jilqgħu lil Everton f’logħba bejn żewġ timijiet li għandhom moħħhom mistrieħ minn kull inkwiet bit-team ta’ David Moyes qed igawdi vantaġġ ta’ tliet punti fuq l-avversarji tagħhom.
Mill-aħħar sitt logħbiet Everton rebħu disa’ punti u Brighton sitta biex b’hekk id-differenza bejniethom hija waħda minima.
Wolves se jkunu f’Molineux kontra Bournemouth li jinsabu f’post trankwill meta qed igawdu 10 punti vantaġġ fuq it-tielet team mill-aħħar.
Qabel is-Sibt li għadda t-team ta’ Rob Edwards rebaħ sitt punti f’rebħa u tliet draws qabel ma ġew megħluba minn Manchester City wara li mill-ewwel 19-il logħba kiseb żewġ draws biss
Il-logħba tal-ħin tat-té hija d-Derby ta’ Londra bejn Chelsea u West Ham li se ssir fi Stamford Bridge fejn il-Blues ġejjin mir-rebħa 3-2 għand Napoli fiċ-Champions League u l-Hammers minn żewġ rebħiet wara 10 riżultati negattivi.
Huma tilfu lill-midfielder Brażiljan, Lucas Paqueta, li se jerġa’ lura fil-Brażil.
Għada se jsiru erba’ logħbiet oħra bl-iktar waħda attraenti tkun dik li fiha Tottenham jilqgħu lil Manchester Cty, żewġ timijiet li ġejjin minn rebħiet simili ta’ 2-0 fiċ-Champions League.
Dan l-aħħar iż-żewġ timijiet ma tantx marru tajjeb meta qabel il-logħba kontra Wolves, is-City ħadu tliet draws u telfa waqt li Spurs kisbu rebħa u warajha tliet draws u żewġ telfiet.
Aston Villa, li flimkien mal-Franċiżi, Lyon, temmew il-Fażi tal-Kampjonat tal-Europa League fil-quċċata b’19-il punt kull wieħed, se jkunu f’Villa Park kontra Brentford li jinsabu fl-ewwel nofs il-klassifika u bla ebda inkwiet li jistgħu jinqabdu fiż-żona l-ħamra.
It-team fir-raba’ post tal- klassifika, Manchester United se jkunu home meta se jilqgħu lil Fulham li wkoll jinsabu f’qagħda stabbli.
Il-United, li għandhom ħames punti vantaġġ fuq il-Cottagers, ilhom sitt logħbiet ma jitilfu meta mill-aħħar sitt ħarġiet ħadu tliet rebħiet u tliet draws waqt li Fulham ħadu 11-il punt minn tliet rebħiet u żewġ draws.
Mindu t-team tar-Red Devils għadda f’idejn il- manager temporanju, Michael Carrick, huma għamlu kambjament notevoli meta fl-aħħar żewġ logħbiet għelbu żewġ ġganti, Manchester City u Arsenal.
Il-logħba l-oħra ta’ għada tara lil Nottimgham Forest jilqgħu lil Crystal Palace fis-City Ground meta dawn tal-aħħar għandhom tliet punti iktar mill-Forest u għalhekk it-tnejn għadhom mhumiex salvi għal kollox mir-relegazzjoni għalkemm rebħa ‘l hawn u rebħa ‘l hinn tarahom jitbegħdu mill-periklu.
Wara tliet telfiet il-Forest ħadu żewġ rebħiet u draw bejniethom iżda fl-Europa League huma kellhom staġun sodisfaċenti meta bir-rebħa kbira 4-0 li kisbu fuq l-Ungeriżi, Ferencvaros, huma jinsabu fil-play-offs għal post fl-Aħħar 16.
Il-programm jagħlaq nhar it-Tnejn fil-għaxija meta Sunderland ikunu fli Stadium of Light kontra Burnley li jinsabu qabel tal-aħħar 10 punti bogħod mis-salvazzjoni.
Il-Clarets ilhom ma jirbħu 14-il logħba li minnhom ħadu ħames draws u disa’ telfiet waqt li min-naħa tagħhom il-Black Cats jinsabu jokkupaw il-11-il post, punti ndaqs ma’ tliet timijiet oħra.
Huma ġejjin minn rebħa, erba’ draws u żewġ telfiet mill-aħħar seba’ logħbiet. Iżda meta dan huwa l-istaġun tar-ritorn tagħhom mal-elite wara tmien snin m’għandux jonqos li jinsabu kuntenti b’dak li offrew s’issa.

