Fil-Premier League Ingliż, Arsenal baqgħu fil-quċċata tal-klassifika wara li marru f’Anfield u spiċċaw fi draw ta’ 1-1.
Iżda huma jistgħu jħossuhom fortunati li ħadu punt minkejja li fetħu l-iskor wara erba’ minuti minn Gabriel.
Liverpool kisbu d-draw minn Mohamed Salah (29).
Huma ġew imċaħħda minn penalty ċar meta Martin Odegaard litteralment mexxa idu fuq il-ballun waqt li kien f’kuntrast ma’ Salah iżda kien kollox normali għar-referee … bil-VAR ma jintervjeniex biex jerġa’ jara l-azzjoni. Dan il-ħin, Odegaard impedixxa lil Salah milli jkompli l-ballun fil-kaxxa li kien jiġi f’pożizzjoni ideali li jixxuttja
Barra minn hekk ir-Reds ġew imċaħħda darbtejn mil-lasta fuq tentattivi ta’ Harvey Elliot u Trent Alexander-Arnold.
West Ham v Man Utd – Kompliet il-kriżi ta’ Manchester United meta marru għand West Ham u sfaw megħluba bl-iskor ta’ 2-0 biż-żewġ goals jaslu fit-tieni taqsima minn Jarrod Bowen (72) u Mohammed Kudus (78).
Fulham v Burnley – Burnley marru għand Fulham u rebħulhom bl-iskor ta’ 2-0, bl-iskorers ikunu Wilson Odobert (47) u Sander Berge (66).
F’din il-partita nkitbet l-istorja meta Rebecca Welch saret l-ewwel referee mara li kkontrollat fl-ogħla diviżjoni Ingliża.
Luton v Newcastle – Luton issorprendew lil Newcastle bl-iskor ta’ 1-0, bil-goal jasal minn Andros Townsend (25).
Nottm F. v Bournemouth– Barra minn darhom, Bournemouth kisbu rebħa drammatika ta’ 3-2 fuq Nottingham Forest.
L-eroj kien Dominic Solanke (51, 58, 92) li skorja hat-trick filwaqt li għal Forest skorjaw Anthony Elanga (47) u Chris Wood (74).
Dawn il-goals waslu wara t-tkeċċija tad-difensur tal-Forest Willy Boly (23).
Tottenham v Everton – Tottenham Hotspur kisbu tliet punti importanti meta għelbu li Everton 2-1, b’goals minn Richarlison (9) u Son Heung-Min (18) filwaqt li Andre Gomes (82) wieġeb għat-Toffees.