Il-leaders tal-Premier League Ingliż, Arsenal, u t-team ta’ warajhom, Manchester City, li jinsabu mifrudin b’disa’ punti, fi tmiem il-ġimgħa se jkomplu bit-taqtiegħa ta’ bejniethom meta r-rebħ tat-titlu għadu miftuħ beraħ.
Il-Gunners se jkunu fl-Emirates Stadium biex jilqgħu lil Bournemouth li f’dawn l-aħħar sitt logħbiet ħadu rebħa u ħames draws wara xulxin.
Iċ-Cherries kienu iktar konsistenti fl-istaġun li għadda, iżda xorta taf toħroġilhom logħba tajba li biha jagħtu battikata lil kulħadd inkluż lit-team ta’ Mikel Arteta li ġej minn rebħa sofferta fiċ-Champions League kontra Sporting b’goal fil-91 minuta minn Kai Havertz.
Jekk Arsenal ħadu żewġ draws u erba’ rebħiet wara xulxin, is-City ta’ Pep Guardiola dawru din is-sekwenza u għamluhom erba’ rebħiet u żewġ draws għalkemm f’dawk li huma punti t-tnejn ħadu 14 kull wieħed.
Is-City se jkunu fl-azzjoni għada meta Chelsea se jospitawhom fi Stamford Bridge bir-rekord tat-team ta’ Liam Rosenior tkun xi ftit batuta meta ħadu rebħa, żewġ draws u tliet telfiet u anke sfaw eliminati miċ- Champions League.
Barra minn hekk issa għandhom l-inkwiet mal- midfielder Arġentin, Enzo Fernandez, li jidher li se jagħmel talba biex iħalli l-club.
Is-City għad għandhom ċans għaż-żewġ tazzi domestiċi u min jaf jekk jirnexxilhomx jaqilbuha lil Arsenal għall-Premier League?
Iċ-champions Liverpool, li jinsabu fid-diffikultá jekk jgħaddux għas-semi-finali taċ-Champions League jew le, wara t-telfa ta’ 2-0 f’Pariġi kontra Paris St-Germain fl-ewwel leg, se jkunu f’Anfield biex jospitaw lil Fulham li huwa wieħed minn bosta timijiet li jistgħu jaqtgħu l-passaġġ f’din il-kompetizzjoni fl-istaġun li ġej.
Il-Cottagers jinsabu ħames punti biss bogħod minn Liverpool li jinsabu fil-ħames post meta fl-istaġun li ġej il-Premier League se jerġa’ jkollu ħames timijiet fiċ-Champions League.
Żewġ timijiet bl-istess għan huma Brentford u Everton meta t-tnejn qed iħarsu lejn post fl-Ewropa biċ-Champions League huwa probabbiltá. Huma t-tnejn għandhom 46 punt kull wieħed jiġifieri tliet punti biss bogħod mill-post esklussiv.
Il-Bees, li se jkunu fil-ground tagħhom għandu jkollhom vantaġġ fuq it-Toffeemen li barra minn darhom mhumiex daqstant konsistenti. B’Igor Thiago fuq quddiem jiskorja l- goals u l-penalties li jiġuhom, huma għandhom pedina li xxaqleb il-punti lejn it-team immexxi minn Keith Andrews li żgur qed jagħmel xogħol tajjeb meta dan huwa l-ewwel staġun li kellu ma’ team tal-Premier League.
Logħba b’għanijiet differenti hija dik f’Turf Moor li fiha Burnley jilqgħu lil Brighton li huma wkoll qed jissieltu għal post fl-Ewropa.
Iżda mhux l-istess għan għandhom il-Clarets għax l-għan tagħhom huwa li ma jiġux relegati. Huma ilhom jokkupaw il-post ta’ qabel l-aħħar li huwa kkapparrat minn Wolves li kienu fl-azzjoni lbieraħ filgħaxija meta ltaqgħu ma’ West Ham.
Telfa oħra għat-team ta’ Scott Parker tkompli tressaqhom lejn iċ-Championship li kien f’Mejju li għadda li huma ħarġu minnu.
Għada se jintlagħbu erba’ logħbiet oħra minbarra dik mistennija bejn Chelsea u Manchester City li se ssir fil-ħin tat-té.
Sunderland se jkunu fli Stadium of Light kontra Tottenham b’dawn tal-aħħar jinqabdu fl-inkwiet tar- relegazzjonni wkoll wara li fl-istaġun li għadda rebħu l-Europa League.
Wara li keċċew lil Igor Tudor issa rridu naraw x’se jagħmel l-manager Taljan, Roberto De Zerbi, meta din se tkun l-ewwel logħba tiegħu wara li nħatar f’dawn l-aħħar jiem.
Il-Black Cats niżlu fil- klassifika iżda qed jokkupaw post fin-nofs mingħajr l-ebda periklu li jistgħu jitilfu posthom wara staġun bħal Burnley.
Fis-City Ground, se jiltaqgħu Nottingham Forest u Aston Villa, żewġ timijet li marru lura lejn darhom b’riżultat pożittivi mill-impenji tagħhom fl-Ewropa.
Il-Forest spiċċaw 1-1 kontra Porto grazzi għal auto-goal ferm sfortunat ta’ Martim Fernandes fit-13-il minuta li ħassar il-goal ta’ sieħbu William Gomes żewġ minuti qabel.
Fit-team ta’ Vitor Pereira lagħab l-attakkant minn New Zealand, Chris Wood, li kien ilu barra għax imweġġa’ sitt xhur.
Il-logħba l-oħra hija dik li se ssir f’Selhurst Park li tara lil Crystal Palace jiltaqgħu ma’ Newcastle. It-team ta’ Oliver Glasner ġej minn rebħa tajba ta’ 3-0 f’daru kontra Fiorentina fil- Conference League li għandha tarahom jgħaddu għas-semi-finali.
Finalment, il-logħba li tagħlaq il-programm hija dik ta’ nhar it-Tnejn f’Old Trafford fejn Manchester United jiffaċċjaw lil Leeds United li jinsabu erba’ punti bogħod miż-żona l-ħamra.
Il-United, li tilfu logħba biss mill-aħħar sitt ħarġiet, qed igawdu seba’punti vantaġġ fuq it-team fis-sitt post.

