Meta fi tmiem din il-ġimgħa se tintlagħab it-23 ġurnata tal-Premier League Ingliż l-aktar logħba mistennija hija dik li se ssir fl-Etihad Stadium li fiha Manchester City se jilqgħu lil Chelsea, għada fil-għaxija b’dawn bħalissa qed igawdu vantaġġ ta’ żewġ punti fuq l-istess City.
It-tnejn li huma ġejjin minn rebħiet komdi fl- kampjonat meta s-City għelbu lil Ipswich bl-iskor tennistiku ta’ 6-0 f’Portman Road waqt li l-Blues kisbu rebħa ta’ 3-1 kontra Wolves fi Stamford Bridge.
Iżda fost il-ġimgħa s-City sfaw umiljati mill-Franċiżi, Paris St-Germain li għelbu liċ-champions Ingliżi 4-2 wara li kien it-team ta’ Pep Guardiola li kien mar 2-0 minn fuq ftit wara l-mistrieħ b’goals minn Jack Grealish u Erling Haaland.
Din it-telfa kienet morra wisq biex il-manager Spanjol iniżżilha u għalhekk għada jrid jara x’se jagħmel biex jipprova jsewwi l-ħsara li saret lit-team tiegħu għalkemm il-mod kif iddefendew ma kienx tajjeb.
Min-naħa ta’ Chelsea dawn ma kellhomx impenji fil-Conference League u għalhekk se jkunu aktar friski mis-City.
It-team fit-tieni post, Arsenal, se jmorru għand Wolves, wara li fl-ewwel round fl-Emirates kienu għelbuhom 2-0 b’goal f’kull taqsima minn Gabriel Jesus u Bukayo Saka.
Issa Wolves jinsabu taħt il-manager Portugiż, Vitor Pereira, u wara bidu nkoraġġanti b’rebħiet fuq Leicester City u Manchester United u draw kontra Tottenham, huma sofrew tliet telfiet kontra Nottm Forest, Newcastle u Chelsea, li kollha skorjaw tliet goals.
Intant, issa reġa’ għandhom logħba diffiċli kontra l-Gunners b’dawn ġejjin minn rebħa ta’ 3-0 f’darhom kontra Dinamo Zagreb fiċ- Champions League.
Nottingham Forest, li jinsabu it-tielet b’44 punt daqs Arsenal u sitta wara Liverpool, se jmorru għand Bournemouth f’dik li tidher logħba miftuħa għal kull riżultat.
It-team ta’ Nuno Espirito Santo ġej minn sensiela ta’ seba’ rebħiet u draw, forma li tista’ se twassalhom lejn post fiċ-Champions League, xi ħaġa li fil-passat għamlu meta fl-1979 u fl-1980 kienu rebħu t-Tazza tal-Ewropa darbtejn taħt il-manager ġenju, Brian Clough.
Iċ-Cherries ġejjin minn rebħa sublimi ta’ 4-1 kontra Newcastle f’St James Park li fiha ma ħallewx lill-attakkant Svediż, Alexander Isak, iħares lejn il-lasti tagħhom tant li ħallielhom ix-xibka ntatta u dak li kien jagħmel b’għajnejh magħluqa lanqas għamlu b’għajnejh miftuħa.
Il-leaders Liverpool, li jinsabu trankwilli fil-quċċata tal-klassifika se jilqgħu lil Ipswich Town flimkien mal-kantant famuż, Ed Sheeran, u fejn waslu Manchester City il-ġimgħa l-oħra jittamaw li jaslu huma meta dawn għelbuhom 6-0.
Fost il-ġimgħa Liverpool komplew ikabbru r-rekord ta’ 100% fiċ-Champions League meta bir-rebħa 2-1 kontra Lille f’Anfield għamluhom tmien rebħiet infila u kienu l-ewwel team li għadda għall-Aħħar 16.
Min-naħa tagħhom Ipswich jinsabu f’taqtiegħa kontra r-relegazzjoni wara li ġew promossi f’Mejju li għadda.
Southamptom se jkunu f’St Mary’s Stadium kontra Newcastle wara li l-ġimgħa l-oħra tilfu 3-1 għand Manchester United f’logħba li fiha huma kienu l-aħjar team iżda finalment xorta spiċċaw telliefa bil-goals tar-Red Devils jaslu lejn it-tmien.
Issa s-Saints se jippruvaw jieħdu xi ħaġa minn fuq il-Magpies li se jkunu għadhom feruti mit-telfa ma’ Bournemouth.
Għada se jintlagħbu l-erba’ logħbiet l-oħra fejn l-ewwel tlieta se jsiru fil-ħinijiet normali u l-aħħar waħda fi Craven Cottage bejn Fulham u Manchester United se tibda fit-8.00 pm li huwa ħin mhux tas-soltu għal nhar ta’ Ħadd.
L-ewwel żewġ logħbiet ta’ wara nofsinnhar se jaraw lil Crystal Palace kontra Brentford fid-Derby ta’ Londra waqt li f’Londra wkoll issir dik li fiha Tottenham Hotspur jilqgħu lil Leicester City.
Kemm l-Eagles kif ukoll il-Bees jinsabu transkwilli fin-nofs tal-klassifika b’dawn tal-aħħar igawdu punt iktar mill-Palace, 28-27, 11-il punt fuq Wolves u Ipswich li qed jokkupaw is-17 u t-18-il postijiet fil-klassifika.
Mill-aħħar sitt logħbiet il-Palace ħadu 11-il punt minn tliet rebħiet u żewġ draws bl-oħra tintemm f’telfa waqt li l-Bees ħadu ħames punti minn rebħa, żewġ draws u tliet telfiet.
L-aħħar logħba se tlaqqa’ liż-żewġ timijiet li jilbsu l-istess kuluri – maroon u ċelesti – fejn Aston Villa se jilqgħu lil West Ham ta’ David Moyes f’Villa Park.
Il-Villa ħadu 11-il punt mill-aħħar sitt logħbiet li fihom sofrew telfa waħda waqt li l-Hammers rebħu seba’ punti u t-tliet logħbiet l-oħra kienu telfiet.
Il-Villa jridu jirbħu biex jippruvaw jilħqu lill-erbgħa ta’ fuq u West Ham biex ikomplu jitbegħda mir-relegazzjoni.
Fl-aħħarnett Marco Silva se jiffaċċja manager Portugiż bħalu f’Ruben Amorim meta jinsabu seba’ punti fuqhom bir-Red Devils għad fadlilhom biex jilagħbu l-logħba li jippreferi l-eks coach ta’ Sporting Lisbon waqt li bħalissa jinsabu daharhom mal-ħajt biex jiksbu players ġodda.