Meta l-Premier League Ingliż jinsab riesaq lejn it-tmiem l-ewwel żewġ timijiet, Manchester City u Liverpool, jonqoshom erba’ logħbiet kull wieħed u għalhekk kollox jista’ jiġri.
Fin-naħa t’isfel tal-klassifika Norwich City huma relegati, Watford virtwalment u t-tielet team irid jiġi minn Burnley, Leeds United u Everton.
Man City v Newcastle – Il-leaders Manchester City se jiltaqgħu ma’ Newcastle li wara bidu diżastruż tal-istaġun issa jinsabu trankwilli fl-ewwel nofs tal-klassifika. Huma qatt ma rebħu fl-Etihad Stadium (draw 2, tilfu 14) fejn tilfu l-aħħar 12-il logħba f’dan l-istadium.
Min-naħa tagħhom is-City tilfu darba biss fl-aħħar 28 logħba kontra Newcastle (rebħu 23, draw 4), telfa ta’ 2-1 f’St James Park f’Jannar 2019.
Bħalissa t-team ta’ Pep Guardiola jinsab b’moral baxx wara li sfaw eliminati fis-semi-finali tal-UEFA Champions League kontra Real Madrid meta dawn skorjaw darbtejn fil-ħin miżjud u wara ssiġillaw ir-rebħa fil-ħin barrani.
Huma jinsabu punt fuq Liverpool u għalhekk iridu joqogħdu attenti biex ma jkollhomx żelqa oħra fi spazju ta’ tlett ijiem.
Fl-aħħar ħames logħbiet is-City fallew żewġ punti u Newcastle tilfu l- aħħar logħba wara erba’ rebħiet.
Liverpool v Tottenham – Dak li fallew Manchester City nhar l-Erbgħa mhux l- istess għamlu Liverpool meta kienu huma li għamlu rimonta bi tliet goals fit-tieni taqsima kontra l-Ispanjoli l-oħra, Villarreal, biex għaddew għall-finali taċ-Champions League.
Din il-logħba hija t-tieni waħda li fiha ġew skorjati l-iktar goals fl-istorja tal-Premier League (170 goals f’59 logħba) waqt li kellha l-iktar penalties minn kull logħba oħra fil-kompetizzjoni (23).
Liverpool tilfu darba biss fl-aħħar 27 logħba f’Anfield kontra Spurs (rebħu 18, draw 8) u ilhom bla megħluba fl-aħħar 10 logħbiet mit-telfa 2-0 f’Mejju 2011 (rebħu 7, draw 3).
Bħal-logħiet kollha li fadlilhom din hija waħda kruċjali għalihom meta qed jippruvaw jirbħu l-quadruple u għat-tmiem fadlilhom sitt logħbiet oħra.
Chelsea v Wolves – It-team fit-tielet post Chelsea, iridu joqogħdu attenti meta tliet punti warajhom hemm Arsenal u ħamsa hemm Tottenham. Huma se jiltaqgħu kontra Wolves li ġejjin minn rebħa waħda mill-aħħar ħames logħbiet bil-wirjiet tagħhom qed ikunu mill-aktar diżappuntanti.
L-aħħar żewġ logħbiet bejn dawn it-timijiet intemmu bla goals bil-Blues qatt ma kellhom tliet logħbiet wara xulxin kontra l-istess avversarju mingħajr goals fl-istorja tagħhom fil-kampjonat.
Wolves jinsabu bla rebħa fl-aħħar tmien logħbiet fi Stamford Bridge (draw 3, tilfu 5) mindu rebħu 2-1 f’Marzu 1979. Huma lanqas skorjaw f’sitta mil-logħbiet imsemmija.
Il-Pensioners fallew tmien punti mill-aħħar 15 għad-dispożizzjoni tagħhom iżda jrid joqogħdu ferm attenti miż-żewġ ġirien mit-tramuntana ta’ Londra.
Arsenal v Leeds U. – Il-Gunners se jiffaċċjaw team mhedded bir-relegazzjoni meta jinsabu żewġ punti biss aħjar minn Everton li qed jokkupaw it-tielet post mill-aħħar b’logħba inqas mill-Whites.
Min-naħa tagħhom Leeds baqgħu bla megħluba fl-aħħar tliet logħbiet barra minn darhom (rebħu 2 tilfu 1).
It-team ta’ Mikel Arteta ġej minn tliet rebħiet wara żewġ telfiet waqt li Leeds ħadu tmien punti mill-aħħar 15.
Brentford v Southampton – Din hija logħba bejn żewġ timijiet prattikament salvi mill-inkwiet tar-relegazzjoni meta għandhom 40 punt kull wieħed bir-rekord fl-aħħar ħames logħbiet hija ta’ 10 punti mill-Bees u erbgħa biss mis-Saints. Southampton rebħu l-aħħar żewġ logħbiet f’Londra kontra West Ham u Tottenham bl- istess skor ta’ 3-2 waqt li Brentford żammew clean sheet fl-aħħar tliet logħbiet f’darhom.
Burnley v Aston Villa– Din hija logħba bejn żewġ timijiet li jilbsu l-istess kuluri, iżda bħalissa huwa dak tal-Villa li qed igawdu tliet pożizzjonijiet aħjar mill- Clarets.
Il-Villa ta’ Steven Gerrard xejn ma huma sejrin tajjeb dan l-aħħar meta mill-aħħar ħames logħbiet ħadu erba’ punti biss waqt li Burney rebħu l-aħħar tliet logħbiet wara telfa u draw.
C. Palace v Watford – Fl-ewwel staġun tagħhom taħt il-gwida tal-manager Patrick Vieira, il-Palace kellhom staġun xi ftit jew wisq sodisfaċenti. Huma se jilqgħu lil Watford f’Selhurst Park, li huma prattikament relegati meta telf ta’ punti llum jiġi ssiġillat id-destin tagħhom.
Huma jistgħu biss jilħqu lil Burnley u Leeds jekk jirbħu l-logħbiet kollha li fadlilhom li hija ħaġa improbabbli.
Brighton v Man U. – Din hija t-tieni logħba ta’ qabel l-aħħar għall-United biex itemmu l-istaġun fejn se jiltaqgħu kontra Brighton li jinsabu komdi fid-disa’ post meta ħadu 10 punti mill-aħħar ħames logħbiet.
Min-naħa tat-team ta’ Ralf Rangnick iċ-ċansijiet tagħhom li jispiċċaw fiċ-Champions League tarulhom mar-riħ meta rebħa għal Arsenal tkun biżżejjed biex il-bieb jingħalaq għall-United. Barra minn hekk din tista’ tkun waħda mill-aħħar żewġ logħbiet ta’ Cristiano Ronaldo bil-flokk aħmar.
Leicester v Everton – Leicester jinsabu trankwilli fil-11-il post iżda trawmatizzati bl-eliminazzjoni missemi-finali tal-Conference League minn Roma nhar il-Ħamis, se jkunu f’darhom kontra Everton li għalihom il-logħba hija ħajja jew mewt rigward posthom fil- Premier League.
Intant Everton ilhom igawdu l-istatus tagħhom fl- ogħla diviżjioni għal dawn l-aħħar 70 sena, u għalhekk se jagħmlu minn kollox biex dan ikomplu jgawduh. Iżda huwa importanti kif se jsibu lill-Foxes wara d-disfatta fl- Ewropa.
Norwich v West Ham – Anke West Ham ġejjin mid- diżappunt tal-eliminazzjoni mill-Europa League meta sofrew it-tieni telfa kontra Eintracht Frankfurt.
L-avversarji tal-Hammers huma Norwich City li diġá huma relegati wara staġun wieħed mal-kbar waqt li tal-ewwel qed jokkupaw is- seba’ post li bħalissa jagħtihom post fil-Conference League.