Meta l-Premier League jinsab fl-aħħar rankatura tiegħu kollox għadu miftuħ, it-taqtiegħa għat-titlu li tidher li hija bejn Manchester City u Liverpool, il-postijiet fil-kompetizzjonijiet Ewropej li għalihom nistgħu ngħoddu ħames timijiet u l-kwistjoni tar-relegazzjoni li għat-tliet postijiet naraw li hemm sitt timijiet involuti.
Man U. v Tottenham – Din hija l-logħba li tidher l-iktar interessanti meta ż-żewġ timijiet qed jippruvaw jiksbu post fiċ-Champions League. Bħalissa l- United qed jokkupaw il-ħames post u Tottenham jinsabu s-seba’ żewġ punti biss warajhom.
Il-United ġejjin minn telfa umiljanti kontra l-ġirien Manchester City li għelbuhom 4-1 fl-Etihad Stadium il-Ħadd li għadda. Huma ma kellhomx lil Cristiano Ronaldo fit-team li telaq lejn il-Portugall mingħajr ma avża lill-manager Ralf Rangnick u llum wisq probabbli ma jiġix magħżul minħabba li din il-ġimgħa ma ttrenjax ma’ sħabu.
Min-naħa tagħhom, Spurs, ġejjin minn rebħiet kbar ta’ 4-0 għand Leeds United u 5-0 fuq Everton f’darhom li bihom taw spinta lid-differenza tal-goals fi żmien kruċjali.
Brighton v Liverpool – Dawn iż-żewġ timijiet ġejjin b’rekord kuntrastuż fejn is-Seagulls tilfu l-aħħar erba’ logħbiet u Liverpool b’sensiela rebbieħa ta’ disa’ logħbiet kif ukoll qatgħu l-passaġġ għall-aħħar tmienja taċ-Champions League meta għelbu lil Inter b’aggregate ta’ 2-1 wara li dawn rebħulhom 1-0 f’Anfield it-Tlieta li għadda.
Min-naħa ta’ Brighton huma jinsabu trankwilli f’nofs il-klassifika bi 33 punt, moħħhom mistrieħ mill-inkwiet tar-relegazzjoni.
Brentford v Burnley – Il-Bees jinsabu sitt punti quddiem Burnley li jinsabu t-tielet mill-aħħar iżda huma ma tantx sejrin tajjeb tant li mill-aħħar ħames logħbiet ħadu rebħa u draw b’Burnley ġejjin minn żewġ telfiet wara żewġ rebħiet u draw iżda lagħbu żewġ logħbiet inqas mill-avversarji tagħhom.
Il-Clarets dehru li għamlu progress iżda reġgħu nqabdu fiż-żona l-ħamra u issa ma jridux jitilfu iktar punti jekk iridu jżommu posthom mal-kbar.
Chelsea v Newcastle – Bħalissa l-Blues jinsabu għaddejjin minn inkwiet kbir minħabba s-sitwazzjoni fl-Ukrajna tant li s-sid Russu tagħhom, Roman Abramovich, kellu jpoġġi l-club għall-bejgħ u issa jinsabu b’bosta ristrizzjonijiet.
Iżda t-team baqa’ jikseb riżultati pożittivi, l-aħħar wieħed il-Ħamis li għadda meta għelbu lil Norwich City 3-1 f’Carrow Road. Min-naħa ta’ dawn huma tilfu l-aħħar ħames logħbiet u jinsabu f’sitwazzjoni prekarja.
Everton v Wolves – Din hija logħba bejn team li qed jipprova jikseb post fl-Ewropa u l-ieħor biex iżomm postu mal-kbar meta fl-istorja tagħhom qatt ma ġew relegati.
Everton jistgħu juru rebħa biss fl-aħħar ħames logħbiet waqt li Wolves waqqfu sensiela ta’ tliet telfiet konsekuttivi meta l-Ħamis kisbu l-ikbar rebħa tagħhom dan l-istaġun.
Leeds U. v Norwich C. – Din il-logħba hija konfront fin-naħa t’isfel tal-klassifika b’Leeds jinsabu fis-16-il post żewġ punti biss fuq iż-żona l-ħamra. It-tnejn li huma tilfu l-aħħar sitt logħbiet bil-managers rispettivi żgur li huma konċernati fuq il-forma tagħhom.
Il-manager Amerikan Jesse Marsch, li ħa post Marcelo Bielsa f’Elland Road għadu ma sabx il-formola biex itella’ it-team aktar ‘il fuq fil-klassiika waqt li Dean Smith kien qed jidher li jista’ isalva lil Norwich iżda mhux hekk qed jiżvolġu l-affarijiet.
Southampton v Watford – Iż-żewġ timijiet kienu fl-azzjoni nhar il-Ħamis, bis-Saints jitilfu 2-1 f’darhom kontra Newcastle waqt li Watford sfaw megħluba 4-0 minn Wolves b’dawn jaċċertaw ir-rebħa sal-21 minuta bi tliet goals.
Southampton jinsabu b’rashom mistrieħa minn kull periklu iżda l-Hornets qed jokkupaw il-post ta’qabel tal-aħħar.
West Ham v Aston Villa– Il-logħba bejn it-timijiet bl-istess kulur maroon tidher li għandha tkun waħda bilanċjata fejn il-Hammers jinsabu tliet punti bogħod mir-raba’ post u l-Villa disa’ punti warajhom fid-disa’ post.
Il-Villa għamlu kambjament wara li akkwistaw b’self lil Philippe Coutinho li qed jiskorja goals importanti, l-aħħar wieħed fir-rebħa 3-0 fuq Leeds nhar il-Ħamis.
Arsenal v Leicester C. – Il-Gunners qed jiksbu r-riżultati fit-tentattiv li jtemmu fir-raba’ post meta ġejjin minn erba’ rebħiet konsekuttivi u lagħbu tliet logħbiet inqas mit-timijiet ta’ warajhom. Min-naħa tal-Foxes huma kisbu rebħa tajba ta’ 2-0 kontra Rennes ta’ Franza fl-Europa Conference League.
Bla dubju huma Arsenal li l-iktar iridu r-rebħa biex jiksbu post fiċ-Champions League.
C. Palace v Man C. – Il-leaders Manchester City imorru għand il-Palace fil-logħba li tagħlaq il-programm nhar it-Tnejn fil- għaxija wara li nhar l-Erbgħa aċċertaw minn post fil-kwarti-finali taċ-Champions League waqt li fl-aħħar ħames logħbiet sofrew telfa mhux mistennija bl-iskor ta’ 3-2 kontra Tottenham wara li kienu 2-1 minn fuq.
L-Eagles kisbu tmien punti mill-aħħar ħames logħbiet iżda m’għandhom l-ebda inkwiet tar-relegazzjoni.