Thursday, December 26, 2024

Premier Ingliż: Man Utd v Chelsea fl-aqwa logħba

Aqra wkoll

L-attenzjoni fl-10 ġurnata tal-Premier League Ingliż se tkun mixħuta fuq Old Trafford meta għada Manchester United jilqgħu lil Chelsea wara l-burraxka li għaddew minnha fil-bidu tal-ġimgħa meta sa fl-aħħar keċċew lill-manager Olan­diż, Erik ten Hag, mill-kariga.

Huma ilhom biex jeħilsu minnu, iżda minħabba l-ispiża finanzjarja li jeħlu tiegħu u ta’ dak li jidħol minfloku, qagħdu lura, għalkemm l-inevitabbli ma setgħux imorru lil hinn minnha.

Minkejja li rebaħ il-League Cup u l-FA Cup fl-aħħar żewġ staġuni, Ten Hag ma kellux żmien feliċi mar-Red Devils. Huwa neffaq lill-club aktar minn £600 miljun f’xiri ta’ players li bosta minnhom ma rnexxewx kif ukoll ma kellux stil ta’ logħob li jpaxxi lill-partitarji.

Għada, bħal ma kien il-każ nhar l-Erbgħa fir-rebħa 5-2 fil-League Cup kontra Leicester City, it-team se jkun fdat lill-eks attakkant, Olandiż ukoll, Ruud van Nistelrooy, li mis-sajf kien assistent ta’ Ten Hag.

Iżda l-avversarji tagħ­hom, Chelsea, jinsabu għad­dejjin minn staġun taj­jeb taħt il-manager ġdid, it-Taljan Enzo Maresca, u għalhekk mhux se tkun logħba faċli għall-United li jinsabu fl-14-il post bi 11-il punt minn possibbiltá ta’ 27.

Iċ-champions u leaders, Manchester City, se jkunu nvoluti f’logħba delikata meta jmorru għand Bournemouth li ġejjin minn rebħa fuq Arsenal u draw kontra kontra Aston Villa, żewġ timijiet li jinsabu fl-ewwel erba’ postijiet tal-klassifika.

Is-City kellhom id-diżappunt li jiġu eliminati mil-League Cup kontra Tottenham li serrħu lill-attakkant Erling Haaland. Iżda min­kejja kollox Pep Guardiola mhux għatxan daqstant għal din it-tazza meta rebaħha erba’ darbiet u qud­diemu għandu biżżejjed għalxiex jilgħab.

Min-naħa taċ-Cherries huma jinsabu trankwilli bi 12-il punt f’nofs il-klassifika tmienja iktar mit-tielet team mill-aħħar.

Liverpool se jilqgħu lil Brighton li nhar l-Erbgħa għelbuhom 3-2 biex għaddew għall-kwarti-finali tal-League Cup bis-Seagulls qed jokkupaw is-sitt post u jinsabu fit-taħlita li jistgħu jiksbu post fiċ-Champions League.

F’Danny Welbeck it-team minn nofsinhar tal-paj­jiż għandu attakkant li jaf isib ix-xibka minkejja li issa għandu 33 sena, bir-Reds ikollhom iktar munizzjoni f’Mohamed Salah, Cody Gakpo u Luis Diaz.

Erba’ punti taħt Liverpool hemm Arsenal li dan l-aħħar żgarraw daqsxejn meta tilfu kontra Bournemouth u ġew draw mal-  istess Reds il-Ħadd li għad­da.

Illum huma se jiftħu l-programm meta kmieni wara nofs in-nhar imorru f’St James Park biex jiltaqgħu kontra Newcastle Uinted li minkejja li jinsabu fit-12-il post bi 12-il punt, huma avversarji denji għal kull team.

Fl-attakkant Alexander Isak, il-Magpies għandhom player li jaf fejn huma l-lasti avversarji għax dejjem jivvinta xi goal rebbieħ.

Team sorpriża fin-naħa ta’ fuq huwa dak ta’ Nottingham Forest li se jkunu fis-City Ground kontra West Ham li ġejjin mir-reb­ħa 2-1 fuq Manchester Uni­ted.

Il-Forest għandhom lil Chris Wood, li huwa match- winner ta’ kwalitá bħal ma kien fl-aħħar logħba kontra Leicester meta skorja doppjetta fir-rebħa 3-1 it-Tnejn li għadda.

Il-Foxes ma kellhomx bidu tajjeb dan l-istaġun meta għadhom rebħu biss disa’ punti bid-difiża ċċedi erba’ goals iktar milli skorjaw.

Huma se jmorru għand Ipswich, promossi bħalhom, li jinsabu fit-tielet post mill-aħħar meta mill-aħħar sitt logħbiet ħadu  tliet draws u sofrew tliet tel­fiet.

Logħba oħra bejn timi­jiet fin-naħa t’isfel tal-klassifika hija dik f’St Mary’s Stadium li fiha Southampton jospitaw lil Everton bis-Saints fl-aħħar post b’punt wieħed u t-Toffeemen għandhom disgħa li kollha kisbuhom fl-aħħar ħames logħbiet

Il-logħba tal-lejla tara lil Wolves u Crystal Pa­lace jikkumbattu għat-tliet punti f’Molineux b’dawn għadhom ma rebħux punt f’darhom meta t-tnejn li għandhom kisbuhom minn kon­fronti missielta barra minn darhom.

Il-manager Gary O’Neil, irid joqgħod attent li ma jitlifx postu meta fl-aħħar mill-aħħar il-ġerarkija ta’ Wolves tista’ titlef il-paċenzja u telfa llum xejn ma tkun favur tiegħu.

L-ewwel logħba ta’ għada tara lil Tottenham u Aston Villa jissieltu għall- punti f’Tottenham Sta­dium meta dawn tal-aħħar jinsabu jgawdu ħames punti fuq it-team ta’ Londra.

Huma qed ikollhom suċ­ċess fl-Ewropa waqt li fil-kampjonat saru team li ma tafx fejn int miegħu. Għal dan wieħed irid jinża’ l-kappell lill-manager Unai Emery.

Min-naħa ta’ Spurs ukoll qed ikollhom staġun pożittiv fejn anke fl-Ewropa għaddejjin tajjeb.

Finalment, il-logħba li tgħaqqad il-programm hija dik ta’ nhar it-Tnejn li hija d-Derby ta’ Londra bejn Fulham u Brentford meta t-tnejn jinsabu f’nofs il- klassifika bil-Bees igawdu punt vantaġġ fuq il-Cotta­gers.

Ekonomija

Sport