Nhar it-Tlieta filgħaxija ntlagħbu erba’ logħbiet minn dawk li t-timijiet għandhom neqsin għal xi raġuni jew oħra fejn mit-tlieta li jinsabu fl-inkwiet tar-relegazzjoni kienu Leeds United biss li rebħu biex taw spinta liċ-ċansijiet tagħhom li jibqgħu fil-Premier League.
It-tnejn l-oħra, Bournemouth u Leicester City, sfaw megħluba u għalhekk għandhom ħafna għal xhiex jilagħbu.
Leeds U. v Nottm F. – Leeds kisbu rebħa importanti fit-tfittxija tagħhom biex jibqgħu fil-Premier League hekk kif goals ta’ Jack Harrison (20) u Luis Sinisterra (45+1) rawhom ġejjin minn wara biex jegħlbu lir-rivali tar-relegazzjoni, Nottingham Forest, u joħorġu mill-aħħar tlieta f’rebħa ta’ 2-1.
F’logħba tensa iżda fil-biċċa l-kbira fuq naħa waħda f’Elland Road, Orel Mangala (12) tefa’ lill-viżitaturi fil-vantaġġ għall-ħames goal tagħhom barra minn darhom dan l-istaġun.
It-telfa għal Forest tefgħethom aktar fl-inkwiet u żiedet il-pressjoni fuq il-manager Steve Cooper. Issa huma bla rebħa fi tmien logħbiet u ‘l fuq miż-żona tar-relegazzjoni biss bid-differenza tal-goals.
Bournemouth v Brighton – Goal mill-isbaħ ta’ Evan Ferguson poġġa lil Brighton minn fuq biex jegħlbu lil Bournemouth 2-0 fil-Vitality Stadium u jqawwu t-tamiet tagħhom għall-football fiċ-Champions League.
Lejn it-tmiem Julio Enciso (90) issiġilla t-tliet punti. B’din it-telfa ċ-Cherries niżlu t-tielet mill-aħħar fil-klassifika.
Leicester C. v Aston Villa – L-inkwiet tar-relegazzjoni ta’ Leicester li jinsabu mingħajr manager żdied hekk kif Aston Villa fil-forma kisbu rebħa drammatika tard ta’ 2-1 fil-King Power Stadium.
Il-Foxes dehru li se jassiguraw punt siewi fl-ewwel logħba tagħhom minn meta tkeċċa Brendan Rodgers minkejja l-karta l-ħamra ta’ Kiernan Dewsbury-Hall (70).
Ollie Watkins immarka l-100 dehra tiegħu fil-Premier League billi tefa’ lil Villa fil-vantaġġ bit-tmien goal tiegħu f’10 dehriet.
Kien Harvey Barnes (35) li kiseb id-draw għall-Foxes iżda s-sostitut Bertrand Traore (87) skorja l-goal tar-rebbieħ għall-Villa.
Fit-92 minuta Leicester ingħataw penalty, biss ir-referee Graham Scott qaleb id-deċiżjoni tiegħu wara li ra replay fuq il-monitor.
Chelsea v Liverpool – F’logħba ta’ mingħajr goals iż-żewġ timijiet offrew reżistenza fjakka fi Stamford Bridge li kienet riflessjoni tal-istatus attwali mnaqqas tal-clubs. Bruno Saltor kien fit-tmexxija temporanja ta’ Chelsea wara t-tkeċċija ta’ Graham Potter filwaqt li l-manager ta’ Liverpool, Jurgen Klopp, għamel sitt bidliet wara t-telfa kbira tagħhom għand Manchester City.
Chelsea kellhom l-aħjar ċansijiet, b’Mateo Kovacic jara x-xutt tiegħu jiġi miżmum fuq il-linja waqt li xxuttja salvaġġ meta seta’ għamel aħjar wara l-mistrieħ.
Kai Havertz kellu goal annullat għall-handsball mill-VAR filwaqt li Reece James sofra destin simili fl-ewwel taqsima, l-isforz tiegħu ġie mħassar għal offside.
Klopp ħalla barra lil Mohamed Salah kif ukoll lid-difensuri Trent Alexander-Arnold u Andy Robertson, filwaqt li Virgil van Dijk kien marid hekk kif Liverpool bilkemm ittestjaw lill-goalkeeper Kepa Arrizabalaga, bir-riżultat ma għenx biex ifittxu post fl-ewwel erbgħa tal-Premier League.