Meta tkompliet l-ewwel ġurnata tal-Premier League Ingliż, Manchester City, Tottenham Hotspur u Sunderland, kellhom bidu tajjeb meta rreġistraw rebħiet impressjonanti fuq Wolves, Burnley u West Ham rispettivament.
Aston Villa v Newcastle – Newcastle United marru għand Aston Villa u temmew fi draw ta’ mingħajr goals bit-team ospitu spiċċa jilgħab b’10 players wara li, fis-66 minuta, tkeċċa Ezri Konsa wara li kkommetta foul fuq Anthony Gordon li ġie żmarkat waħdu minn Anthony Elanga.
Dan tal-aħħar falla l-aħjar ċans għal Newcastle wara biss żewġ minuti meta ġie wiċċ imb’wiċċ quddiem il-goalkeeper, Marco Bizot, iżda xxuttja ċentrali.
Il-Magpies dehru bla saħħa fl-attakk mingħajr l- attakkant, Alexander Isak, li jinsab fuq strajk hekk kif irid jitlaq lill-club.
Brighton v Fulham – Meta kollox deher li Brighton kienu se jiksbu t-tliet punti wara li kienu fil-vantaġġ ta’ 1-0, proprju fl-aħħar azzjoni tal-partita, eżattament fis-96 minuta, Fulham salvaw il-partita meta minn azzjoni ta’ corner, Rodrigo Muniz, sammar il-ballun fix-xibka biex kiseb id-draw għal Cottagers.
Brighton kienu ilhom igawdu l-vantaġġ għal 50 minuta wara li huma fetħu l-iskor fil-55 minuta minn penalty ta’ Matthew O’Riley.
Sunderland v West Ham – Sunderland kellhom ritorn tal-ħolm miċ-Championship meta f’darhom għelbu lil West Ham bl-iskor ta’ 3-0 biex diġá bdiet tinxteħet pressjoni fuq il- manager ta’ West Ham, Graham Potter.
It-tliet goals tal-Black Cats ġew skorjati minn Eliezer Mayenda (61), Dan Ballard (73) u Wilson Isidor (93).
Tottenham v Burnley – Wara t-telfa fil-UEFA Super Cup kontra ċ-champions Ewropej, Paris St-Germain, nhar l-Erbgħa li għadda, Tottenham kellhom bidu tajjeb għall-kampjonat meta laqgħu lit-team promoss, Burnley, u rebħulhom bl-iskor ta’ 3-0.
Il-protagonista ta’ Spurs kien Richarlison (10, 60) li skorja doppjetta bil-goal l-ieħor jasal minn Brennan Johnson (66).
Wolves v Man City – Manchester City marru għand Wolves u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-0, f’partita li fiha gawdew ħafna mill-pussess tal-ballun.
L-iskorers kienu Erling Haaland (34, 61) u ż-zewġ debuttanti Tijani Reijnders (37) u Rayan Cherki (81).
B’din ir-rebħa, is-City taw twissija li se jkunu fost l-isfidanti għar-rebħ tat-titlu.