Chelsea v Arsenal
Din hi kkunsidrata bħala l-aqwa partita ta’ dan tmiem il-ġimgħa. Arsenal jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika u għandhom żewġ punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali tagħhom Manchester City.
It-tim imexxi minn Mikel Arteta qed ikollu staġun eċċezzjonali fejn rebħu għaxra mit-12-il partita li lagħbu.
Chelsea jinsabu fis-sitt post tal-klassifika, għaxar punti bogħod mill-avversarji tagħhom. Huma tilfu wisq punti f’dawn l-aħħar partiti u dan il-fatt ikkontribwixxa sabiex jinżlu fil-klassifika.
Chelsea m’għandhomx problemi ta’ formazzjoni hekk kif il-kowċ Graham Potter jista’ jinkludi l-aqwa plejers għal dan il-konfront.
Arsenal ma jistgħux jinkludu lil Mohamed El Neny u Emile Smith Row li jinsab mweġġgħin.
Tottenham Hotspur v Liverpool
Tottenham Hotspur jilqgħu f’darhom lil Liverpool fit-Tottenham Hotspur Stadium f’partita li hi kkunsidrata bħala waħda li tista’ twassal għal kull tip ta’ riżultat.
The Spurs jinsabu fit-tielet post tal-klassifika meta kisbu 26 punt minn 13-il partita. B’kuntrast Liverpool qegħdin ferm ‘l isfel hekk kif qed jokkupaw id-disa’ pożizzjoni b’16-il punt biss minn 13-il logħba.
Ċertament li t-tim immexxi minn Jurgen Klopp ħa r-ruħ wara r-rebħa fil-UEFA Champions League kontra Napoli u fil-logħba f’Londra jridu jieħdu t-tliet punti akkost ta’ kollox.
Klopp għandu nieqes lil Luis Diaz filwaqt li l-kowċ ta’ Tottenham Antonio Conte jista’ jilgħab bl-aqwa formazzjoni possibbli.
Manchester City v Fulham
Manchester City huma favoriti li jiksbu t-tliet punti mill-konfront li għandhom f’darhom kontra Fulham fl-Etihad Stadium. It-tim immexxi minn Pep Guardiola jinsab żewġ punti taħt il-liders Arsenal u xejn inqas minn rebħa ma tissodisfahom.
Min-naħa tagħhom, Fulham jinsabu fis-seba’ post tal-klassifika hekk kif kisbu 19-il punt wara ħames rebħiet, erba’ dros u erba’ telfiet. L-iskorer prolifiku tagħhom Alexander Mitrovic qed ikun strumentali għal dan il-kampjonat pożittiv li se jkollhom.
Is-Citizens ma jistgħux jinkludu lil Kalvin Phillips li jinsab imweġġa’ filwaqt li Fulham għandhom barra lil Layvin Kurzawa u Manor Solomon.