Minn Cristian Muscat
Bejn illum u għada tintlagħab il-ħames ġurnata tal-Closing Round tal- Malta Premier League b’logħbiet mill-aktar interessanti bl-aktar waħda li tispikka tkun dik bejn Birkirkara u Valletta li tqanqal ir-rivalitá bejn dawn iż-żewġ timijiet li nibtet matul dawn l-aħħar snin.
Konfront li huwa wkoll mistenni huwa dak bejn Gzira United u Floriana li t-tnejn qed jaqsmu l-ewwel post tal-klassifika b’10 punti kull wieħed.
Hibernians, li jinsabu punt warajhom, ikunu nvoluti fid-derby ta’ nofsinhar meta jaffrontaw lil Tarxien Rainbows li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika mingħajr l-ebda punt flimkien ma’ Mosta u Zabbar St Patrick.
U filwaqt li Mosta jiltaqgħu kontra Sliema Wanderers, Zabbar jaffrontaw lil Marsaxlokk.
Min-naħa ta’ Hamrun Spartans, dawn għandhom partita delikata kontra Naxxar Lions li qed ikunu sfida denja għal kull oppożizzjoni.
Birkirkara v Valletta – Bla dubju, din hija l-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa.
Taħt it-tmexxija l-ġdida tal-coach, Paul Zammit, Birkirkara rreġistraw rebħa kbira bl-iskor ta’ 5-0 fuq Tarxien Rainbows wara li kienu ġejjin minn tmien telfiet f’disa’ partiti.
L-aħħar darba li l-Karkariżi għelbu lir-Rainbows bl-istess skor … imur lura għas-6 ta’ Jannar, 2013.
Valletta ġejjin minn draw ta’ mingħajr goals kontra Floriana u bħalissa jinsabu żewġ punti fuq l-istess Karkariżi.
Dan ifisser b’rebħa, dawn tal-aħħar jaqbżu lill- istess Beltin fil-klassifika.
Fiż-żewġ partiti tal-ewwel fażi, Valletta rebħu waħda bl-iskor ta’ 2-0, bl-oħra tintemm fi draw ta’ mingħajr goals.
L-uniku player sospiż huwa Diogo Tavarez ta’ Valletta iżda jirritorna Leandro Lautaro Lacunza għal Birkirkara.
Gzira U. v Floriana – Dan għandu jkunu konfront bilanċjat u miftuħ għal kull riżultat.
Iż-żewġ timijiet ġejjin minn draw ta’ bla goals kontra timijiet qawija – Gzira United kontra Hamrun Spartans u Floriana kontra Valletta.
Din il-partita tfisser ukoll li l-quċċata tal-klassifika se tinbidel. Anke f’każ li tispiċċa fi draw, teżisti possibbiltá kbira li jistgħu jinqabżu.
Iż-żewġ timijiet se jkunu msaħħa bir-ritorn minn sospensjoni ta’ Fabricio Silva Virgens (Gzira) u Mustapha Jah (Floriana).
Fil-partita preċedenti, iż-żewġ timijiet spiċċaw fi draw ta’ 1-1.
Hamrun S. v Naxxar L. – Hamrun Spartans iridu juru rispett massimu lejn Naxxar Lions hekk kif dawn tal-aħħar jidhru trasformati għal kollox mill- ewwel round.
Għall-Ispartans jirritorna Ognjen Bjelicic minn sospensjoni.
L-ewwel partita kienet spiċċat fi draw ta’ 1-1.
Hibernians v Tarxien R. – Dan huwa derby tant mistenni bejn Hibernians u Tarxien Rainbows, bil- Pawlisti jibdew favoriti hekk kif ir-Rainbows jinsabu fiż-żona tar-relegazzjoni.
Huma għandhom lil Miguel D’Alessandro sospiż.
Fiż-żewġ partiti, Hibernians ħarġu rebbieħa bl-iskors ta’ 3-1 u 1-0.
Zabbar SP v Marsaxlokk – Anke din il-logħba tlaqqa’ żewġ timijiet min-naħa t’isfel ta’ Malta.
Zabbar St Patrick jimmiraw għal rebħa biex jinqalgħu miż-żona tar-relegazzjoni.
Marsaxlokk għandhom lid-difensur Oualid El Hasni sospiż iżda jirritorna José Ulises Arias.
Fl-ewwel fażi Marsaxlokk kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0.
Mosta v Sliema W. – Bħal Zabbar, Mosta qed ifittxu l-ewwel punti meta jaffrontaw lil Sliema Wanderers.
Il-Mosta ġejjin minn telfa ta’ 5-0 kontra Naxxar filwaqt li l-Wanderers ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Marsaxlokk.
Il-partita tal-ewwel fażi intemmet fi draw ta’ 0-0.

