Saturday, December 21, 2024

Premier League: Floriana jitilgħu fit-tieni pożizzjoni

Aqra wkoll

Floriana ………2

Gzira Utd …….1

Minn Cristian Muscat

F’partita kumbattuta, Floriana għelbu lil Gzira United bl-iskor ta’ 2-1 biex telgħu waħedhom fit-tieni post u komplew jixħtu pressjoni fuq il-leaders Birkirkara. 

Huma fetħu l-iskor pro­prju fl-ewwel attakk tagħhom, fis-seba’ minuta permezz ta’ xutt b’saħħtu ta’ JAKE GRCH mill-viċin.

Fit-13-il minuta huma reġgħu heddew iżda x-xutt ta’ Alexander Kouros spiċċa ftit barra. 

Erba’ minuti wara, Grech ipprova jqabbeż il-ballun minn fuq il-goalkeeper vete­ran tal-Maroons Justin Haber, iżda l-ballun intemm ftit għoli. 

Fis-17-il minuta, Gzira wieġ­bu għall-ewwel darba iż­da wara li qabeż difensur avversarju, it-tentattiv ta’ Kevin Tulimieri kien dgħajjef biex il-goalkeeper, Christoffer Mafoumbi, laqa’ mingħajr diffikultá.

Fit-30 minuta, id-daqqa ta’ ras tal-Gżirjan, Alex da Paixao Alves, spiċċat ftit għoli.

Fit-38 minuta, il-Maroons kellhom goal ta’ Faysal Hassany imħassar għal pożizzjoni ta’ offside. 

Iżda tliet minuti wara, hu­ma ma kellhomx jiġu mċaħ­ħda mill-goal tad-draw meta GABRIEL BOHRER MENTZ kellu  d-daqqa ta’ ras tiegħu imblukkata iżda mir-rebound spara l-ballun fix-xibka.

Peró, il-Furjaniżi għamlu reazzjoni mmedjata u żewġ minuti biss wara huma reġgħu marru fil-vantaġġ  meta CARLO ZAMMIT LONARDELLI venven xutt mid-distanza li ħasad għal kollox lil Justin Haber li nqabad ftit barra minn postu, bil-ballun jaħbat mal-wieqfa qabel jintemm fix-xibka.

Fit-tieni taqsima, ir-ritmu naqas, peró fl-64 minuta, Floriana resqu viċin li jiskorjaw it-tielet goal meta l-ewwel Kemar Reid kellu xutt mill-viċin salvat minn Haber, u mir-rebound, Matias Nicolas Garcia falla l-mira.

Erba’ minuti wara, Kemar Reid resaq viċin iżda kellu l-konklużjoni tiegħu tintemm ftit għoli.

Floriana: 45-Christoffer Mafoumbi, 8-Jake Grech, 9-Kemar Reid (22-Kyrian Nwoko 78), 11-Thiaguinho (97-Emer­son Santos De Souza 67), 12-Dunstan Vella (7-Mattia Veselji 67), 17-Owen Spiteri, 20-Matias Nicolas Garcia, 21-Carlo Zammit Lonardelli (79-Guy Serge Yameogo 78), 27-Franklin Sasere, 55-Alexandros Kouro, 77-Aleandro Garzia (70-Fernando De Araujo 22) – Coach: Darren Abdilla

Gzira U.: 16-Justin Haber, 3-Gabriel Bohrer Mentz, 7-Thaylor Aldama, 8-Zachary Scerri, 11-Faysal Hassany (47-Brookyln Borg 86), 14-Luis Carlos Riascos, 17-Jurgen Pisani, 20-Alex Da Paixao Alves, 23-Farid Romero Zuniga, 92-Kevin Tulimieri, 93-Thiago Espindola (22-Douglas Henrique De Santana Lira 65)   – Coach: Andrew Cohen

REFEREE: Philip Farrugia

ASS. REFEREES: Alan Camil­leri, Duncan Sultana

RABA’ UFF: Emanuel Grech

SKORERS: J. Grech 7, C. Zammit Lonardelli 43 (F), G. Bohrer Mentz 41 (G)

AMMONITI: J. Pisani, K. Tulimieri, G. Bohrer Mentz, A. Da Paixao Alves, L. C. Riascos (GU); Thiaguinho, M. Nicolas Garcia, C. Zammit Lonardelli, E. Santos De Souza (F)

Ekonomija

Sport