Tuesday, November 25, 2025

Premier League: Gzira United fl-ewwel post tal-Bottom Six

Aqra wkoll

GZIRA UNITED… 1

MOSTA ……………0

Fl-ewwel partita tal-Bottom Six tal-Premier League, Gzira United għelbu lil Mos­ta bl-iskor minimu ta’ 1-0 bil-goal jasal lejn l-aħħar kwarta, biex qabżu waħedhom fil-quċċata ta’ din is-sezzjoni.

L-ewwel azzjoni denja waslet fid-29 minuta minn free-kick insidjuż ta’ Leonardo Fernandes li għadda ftit barra.

Gzira wieġbu fit-33 minuta meta l-Olandiż Marc van De Font Bovenkamp kellu daqqa ta’ ras mill-viċin tiġi salvata minn fuq il-linja minn Giancarlo Goncalves biex salva goal ċert.

Fit-tieni taqsima, il-Maroons ħarġu aħjar u fis-67 minuta, Fabrizio Silva Vargens għadda tajjeb lejn Andrew Borg li min-naħa tiegħu serva lil Santiago Pera­laza Martinez iżda l-goalkeeper David Akpan salva mingħajr tbatija.

Fit-73 minuta, l-istess goalkeeper dawwar f’corner ix-xutt ta’ Silva Vargens … biex tliet minuti wara, f’az­zjoni fotokopja, Akpan reġa’ dawwar f’corner mit-tentattiv tal-istess player.

Iżda mill-corner li rriżultat, Gzira fetħu l-iskor liema goal kellu jkun dak tar-reb­ħa, meta JORK EBLIN BECERRA, kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin xeħet fix-xibka.

Fis-87 minuta, il-coach ta’ Gzira, Darren Abdilla, talab lir-referee Fyodor Zammit biex jikkonsulta mal-FVS wara li Andre Penha da Costa, deher jitwaqqa’ fil-kaxxa iżda wara li evalwa l-filmat, l-uffiċjal tal-logħba ħalla l-logħob għaddej.

Referee: Fyodor Zammit

ZABBAR ST PATRICK ……..2

TARXIEN RAINBOWS …….2

F’konfront ferm movimentat u li pproduċa xejn inqas minn erba’ goals, Zabbar SP u Tarxien R. temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 2-2.

Hawnhekk ta’ min ifaħħar u jirrimarka dan il-punt miksub minn Zabbar hekk kif huma lagħbu għat-tieni taqsima sħiħa mingħajr il-captain u player ewlieni, Brian Ariel Gambarte, li tkeċċa permezz ta’ karta ħamra diretta lejn tmiem l-ewwel taqsima.

Kien biss fid-29 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota fil-partita, b’Zabbar ikunu huma li joħolqu l-periklu, meta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Vinicius De Paiva ġie salvat mill-goalkeeper tar-Rainbows, Andrea Cassar.

Huma komplew jiddettaw il-logħob u fis-37 minuta fetħu l-iskor meta d-difiża ta’ Tarxien tilfet il-ballun, bil-ballun jintemm għand JAKE MICALLEF, li permezz ta’ xutt minn tarf il-kaxxa ma ħafirx.

Iżda huma fil-45 minuta, qalgħu daqqa ta’ ħarta meta tkeċċa għalihom permezz ta’ karta ħamra diretta, il-captain Brian Ariel Gamberte, meta deher jagħti daqqa ta’ minkeb lil Huanne Nhayyson.

Inkoraġġiti mill-fatt li bdew jilagħbu bi player iktar, fil-ftuħ tat-tieni taqsima Tarxien ħarġu ferm aggressivi, u fid-49 minuta ġabu l-iskor indaqs meta Francisco Junior temm ġirja tajba qabel għadda tejjeb HUANNE NNHAYSSON li permezz ta’ xutt kważi minn tarf il-kaxxa ma ħafirx.

Dan il-goal provda injezzjoni morali lir-Rainbows u fl-64 minuta huma qalbu l-iskor favurihom, meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner mil-lemin, TIAGO FRANCISCO CONCEICAO, permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin tefa’ ġewwa.

Iżda Zabbar ġabu l-iskor indaqs fit-73 minuta meta wara li rċieva minn cross mix-xellug, l-iskorer prolifiku, PEDRO CEJAS, permezz ta’ xutt fil-baxx minn pożizzjoni ideali għeleb għal kollox lil Cassar.

Madankollu, id-drama kienet għadha ma ntemmitx hawn hekk kif fil-ħin miżjud Tarxien kellhom ferħa bla temma hekk kif ħasbu li skorjaw il-goal tar-rebħa meta s-sostitut Jai Quitongo indirizza cross li sab lis-sostitut l-ieħor Andreas Vella, li permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin tefa’ l-ballun f’lasta vojta.

Madankollu, ir-referee Matthew De Gabriele, wara li kkonsulta mal-FVS, ħassar dan il-goal, minħabba li nnota foul fl-azzjoni li wasslet għal dan il-goal.

Ref.: Matthew Degabriele

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport