Friday, February 14, 2025

Premier League: Hamrun S. u Floriana jibdew favoriti kontra Melita u Balzan

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Bejn illum u nhar il-Ħadd li ġej tintlagħab is-sitt ġurnata tal-Closing Round jew aħjar it-22 ġurnata tal-Malta Premier League b’għadd ta’ partiti mill-aktar interessanti hekk  kif il-kwadru qed jifforma bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk fin-naħa t’isfel tal-klassifika. 

Madankollu kollox għa­du miftuħ għajr l-aħħar post tal-klassifika hekk kif jidher li d-destin ta’ Naxxar Lions huwa diġá miktub. 

It-timijiet li qed jokkupaw l-ewwel żewġ posti­jiet, Hamrun Spartans u Floriana, fuq il-karta jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti meta jilagħbu kontra Melita u Balzan rispettivament. 

Sliema Wanderers, li ji­n­sabu fit-tielet post, għandhom partita delikata kontra Gzira United filwaqt li Birkirkara  m’għandhomx ifallu kontra Naxxar Lions. 

Hibernians jaffrontaw lit-team rivelazzjoni ta’ din it-tieni fażi, Zabbar St Patrick, u għaldaqstant jistennew sfida diffiċli. 

Il-partita li tiftaħ dan il-programm tkun dik bejn Mosta u Marsaxlokk li hija miftuħa għal kull riżultat.  

Hamrun S. v Melita – Il-leaders Hamrun Spartans jimmiraw li jkomplu għaddejjin bis-sensiela po­żittiva meta jiltaqgħu kontra Melita. 

L-Ispartans ġejjin minn erba’ rebħiet u żewġ draws hekk kif issa ilhom ma ji­tilfu mis-17 ta’ Diċembru, li għadda … bl-iskor ta’ 2-1 kontra Mosta.  

Fl-aħħar ħarġa tagħhom huma kellhom jitħabtu biex għelbu lil Zabbar St Patrick bl-iskor minimu ta’ 1-0 … u għaldaqstant iridu juru rispett massimu lejn l-avversarji tagħhom minkejja li sfaw megħluba minn Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 4-2. 

Din għalihom kienet l-ewwel telfa minn erba’ partiti biex saħansitra jin­sabu f’pożizzjoni bil- possibbiltá li jevitaw ir-re­legazzjoni.

Huma ma jistgħux jinkludu lil Henrique Marcelino Motta għax sospiż peró jilqgħu bil-ferħa r-ritorn taż-żewġ players Kurt Bondin u Gareth Barone minn sospensjoni. 

Fil-partita preċedenti, l- Ispartans kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.

Balzan v Floriana – Floriana, li qed jimmiraw li jirbħu din it-tieni fażi biex jiġu dikjarati champions b’mod awtomatiku wara li rebħu l-ewwel waħda, jiltaqgħu kontra Balzan li  ġejjin minn rebħa ta’ 3-0 fuq Naxxar Lions. 

Għaldaqstant, immex­xija mill-coach il-ġdid Andrew Cohen, jinżlu għal dan il-konfront b’moral għo­li. 

Wara t-telfa xejn mistennija kontra Melita bl-iskor ta’ 2-0, il-Furjaniżi jridu juru rispett lejn l-avversarji biex ma jiġix ripetut dan id-diżappunt.

Fl-aħħar ħarġa, il-Greens irnexxielhom jissuperaw lil Marsaxlokk bl-iskor ta’ 2-1 f’partita mill-aktar diffiċli bil-goal tar-rebħa jasal lejn it-tmiem biex ix-Xlukkajri ma setgħux jirkupraw minnu. 

Għall-Balzanin, Henri Braham Stanic ikun sospiż għat-tielet partita konsekuttiva filwaqt li Floriana mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli. 

Fil-logħba diretti tal-Ewwel Fażi, Floriana kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’  3-0. 

Sliema W. v Gzira U. – Din hija partita bejn żewġ ġirien li fil-passat Gzira United kienu wkoll jissupplixxu players lil Sliema Wanderers li llum jitqiesu bħala leġġendarji … bl-aktar wieħed li jispikka huwa Ronnie Cocks. 

Fil-veritá, il-Maroons ma jistgħux ifallu minħabba li jistgħu jinqabdu fil-Bottom Six u għaldaqstant iridu jkunu fl-aqwa forma possibbli … kontra team li qed jissielet biex itemm fl-ewwel żewġ postijiet bil- possibbiltá li jikkwa­lifika għas-semi-finali għar-rebħ tat-titlu.

Iż-żewġ timijiet għandhom player sospiż – Jean Borg għas-Slimiżi u Luis Carlos Riascos għall-Gżirjani. Iżda l-Blues ikollhom lura lil Geoffrey Acheampong minn sospensjoni. 

Fl-Ewwel Fażi iż-żewġ timijiet kienu temmew fi draw ta’ 2-2. 

Naxxar L. v Birkirkara – Birkirkara jiltaqgħu kontra Naxxar Lions u jibdew favoriti għall-fatt li dawn tal-aħħar s’issa ma kisbu l-ebda punt u ma skorjaw l-ebda goal f’din it-Tieni Fażi. 

Min-naħa l-oħra, l-Istripes għadhom ma sofrewx telfa f’din il-fażi. 

Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa forma possibbli. 

Fil-logħba diretta, Bir­kirkara kienu għelbu lin- Naxxarin bl-iskor ta’  1-0

Hibernians v Zabbar SP– Hibernians għandhom ostaklu mill-aktar diffiċli hekk kif jaffrontaw lil Zabbar St Patrick u  jekk dawn tal-aħħar jirnex­xiel­hom jo­ħorġu rebbieħa, jilħqu lill-istess Hiber­nians fil- klassifika. 

Il-Pawlisti għandhom lil Khevin Rodrigo Fraga sospiż filwaqt li Dorde Jovicic jirritorna minn sospensjoni għaż-Żabbarin. 

Fil-partita preċedenti Hibernians ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.

Mosta v Marsaxlokk – Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li tilfu fl-aħħar ħarġa tagħhom u għaldaqstant ma jistgħux jaffordjaw telfa oħra.

Joao Victor De Souza Teixeira huwa sospiż għal Mosta filwaqt li Marsa­xlokk mistennija jinżlu bl- aqwa formazzjoni.

Fl-Ewwel Fażi, Mosta kienu rebħu bl-iskor ta’ 4-2.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport